Dewmien ta’ 17-il siegħa fit-titjira tal-Air Malta lejn Palermo

Read in English.

Titjira tal-Air Malta lejn Palermo mistennija titardja b’aktar minn 16-il siegħa u nofs hekk kif il-linja nazzjonali tal-ajru qalet li minħabba diversi raġunijiet f’dan il-perjodu bieżel tas-sajf kellha tittardja din ir-rotta. Jidher ukoll li għal xi ħin kien hemm kommossjoni fl-ajruport minħabba li l-passiġġiera kienu għadhom ma ġewx magħrfa b’dan id-dewmien.

It-titjira KM662 kellha titlaq mill-ajruport ta’ Malta fil-5.30am iżda issa jidher li l-ħin skedat għat-titjira huwa għall-10pm, filwaqt li titjira oħra minn Palermo għal Malta li kellha titlaq fis-7.10am issa hija skedata għall-11.35pm.

Kelliem tal-Air Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li l-flotta tal-Air Malta esperjenzat għadd ta’ sfidi fuq żewġ ajruplani, b’wieħed minnhom jintlaqat minn sajjetta. Sfida oħra kienet dik li għadd ta’ membri tal-crew ma daħlux xogħol minħabba mard. Il-kelliem qal li t-titjira mistennija tittardja bi 15-il siegħa. Fuq Twitter, l-Air Malta skużat ruħha għall-inkonvenjenza li kkawżat.