Dewmien għal operazzjoni f’Mater Dei; jitlob rifużjoni għax għamilha l-Ingilterra

Aktar minn sena jistenna operazzjoni urġenti f'għajnu

Miguela Xuereb

Il-ġenituri ta’ żagħżugħ li kellu bżonn operazzjoni urġenti f’għajnu qegħdin jitolbu rifużjoni għaliex kellhom jieħdu lil binhom biex jagħmel l-operazzjoni barra minn Malta peress li kien hemm wisq dewmien biex l-operazzjoni ssir fl-Isptar Mater Dei.

Huma lmentaw dwar dan mal-Uffiċċju tal-Ombudsman, li min-naħa tiegħu, irrefera l-ilment lill-Kummissarju għas-Saħħa. Dan sab li l-każ tal-ġenituri kien ġustifikat, iżda d-Dipartiment tas-Saħħa baqa’ tal-fehma li ladarba ż-żagħżugħ wettaq l-operazzjoni minn jeddu u minn butu, ma jistax jiġi kumpensat. Il-Kummissarju mbagħad irrefera l-każ għand il-Ministeru għas-Saħħa u għadu qed jistenna tweġiba.

Fl-ilment tagħhom, il-ġenituri spjegaw li binhom ta’ 20 sena nstab li kellu kundizzjoni f’għajnejh li kienet teħtieġ intervent kirurġiku. Il-pazjent kien ġie operat fl-Isptar Mater Dei u minħabba li l-operazzjoni ma kinitx suċċess, hu spiċċa biex tilef id-dawl minn għajn waħda. Il-ġenituri kienu inkwetati għaliex l-għajn l-oħra wkoll kienet qed tiffaċċja diffikultajiet. Il-pazjent kien qed jiġi segwit minn kirurgi Oftalmiċi, kemm privatament, kif ukoll fl-Isptar Mater Dei, u minħabba li dawn iddeċidew illi l-pazjent kien jeħtieġ illi jiġi operat, huwa tqiegħed fuq il-lista ta’ stennija.

Wara li għaddiet sena, ma kien hemm ebda tweġiba min-naħa tal-Isptar Mater Dei, u ma ngħatat ebda indikazzjoni ta’ meta kienet se ssir l-operazzjoni, minkejja li oriġinarjament kienu infurmawhom li l-operazzjoni se ssir fi ftit ġimgħat. Għalhekk il-ġenituri iddeċidew illi jsiefru lil binhom lejn ir-Renju Unit, u biex ikunu jistgħu jħallsu għal din l-operazzjoni kellhom jissellfu l-flus. Il-pazjent ġie operat fir-Renju Unit u l-vista tiegħu nżammet f’qagħda stabbli.

Il-każ riferut għand l-Ombudsman

Il-ġenituri tal-ġuvni talbu lill-Ombudsman biex jintervjeni f’isimhom sabiex jingħataw lura l-ispejjeż li nefqu għall-operazzjoni. Huma argumentaw illi d-dewmien min-naħa tal-Isptar Mater Dei kien qiegħed iżid ir-riskju li t-tifel tagħhom jitlef id-dawl kompletament.

Il-Kummissarju għas-Saħħa talab ir-reazzjonijiet tad-Dipartiment għas-Saħħa dwar il-każ. Id-Dipartiment sostna illi ladarba l-pazjent kien għażel li jsiefer biex jingħata l-kura b’mod privat fir-Renju Unit minn jeddu u mingħajr ma kiseb l-awtorizzazzjoni meħtieġa, id-Dipartiment ma setax jaċċetta t-talba tagħhom għal rifużjoni tal-ispejjeż.

F’isem il-familja, il-Kummissarju staqsa lid-Dipartiment tas-Saħħa jekk kienx stħarreġ ir-raġuni għad-dewmien meta wieħed jikkunsidra l-fatt li l-pazjent kien diġà tilef id-dawl minn għajn waħda. Barra minn hekk, il-Kummissarju staqsa wkoll lid-Dipartiment jekk kienx ikkunsidra li jibgħat lil dan il-pazjent lejn ir-Renju Unit u jittratta l-każ tiegħu bħala wieħed sponsorjat mill-Gvern wara li l-operazzjoni preċedenti li kienet saritlu ma kinitx suċċess sabiex spiċċa tilef il-vista ta’ għajn waħda.

Stennija għal tweġiba mingħand il-Ministeru

Min-naħa tiegħu, id-Dipartiment tas-Saħħa sostna li ladarba l-pazjent kien se jiġi operat f’Malta, ma tħejja ebda pjan biex il-pazjent jiġi riferut u kkunsidrat mit-Treatment Abroad Committee. Id-Dipartiment insista fuq il-pożizzjoni tiegħu u qal ukoll li minn meta l-pazjent kien mar ir-Renju Unit għall-operazzjoni, il-pazjent, min-naħa tiegħu, ma kompliex isegwi l-każ mal-Isptar Mater Dei. Fir-reazzjoni tiegħu, il-Kummissarju għas-Saħħa sostna li d-dikjarazzjoni tad-Dipartiment mhix korretta għaliex il-pazjent kien wara ntbagħat l-Ingilterra sabiex ikompli l-kura.

Il-Kummissarju għas-Saħħa saħaq li t-talba tal-ġenituri għar-rifużjoni tal-ispejjeż kienet waħda leġittima u għalhekk ressaq din it-talba lill-Ministeru għas-Saħħa għall-kunsiderazzjoni tiegħu. Sal-lum il-Kummissarju għadu qed jistenna tweġiba min-naħa tal-Ministeru.