Dewmien fuq l-Air Malta minħabba “ħsara teknika”

Matul il-ġurnata ġie rreġistrat dewmien f’numri ta’ titjiriet tal-Air Malta minn u lejn Malta.

Mingħajr ma speċifika liema titjiriet ġew affettwati, kelliem għal-linja tal-ajru Air Malta kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li kien hemm xi dewmien.

Spjega li ħsara teknika fuq wieħed mill-ajruplani tal-flotta tal-Air Malta wasslet biex titjiriet oħra damu ma telqu bil-konsegwenza li titjiriet oħra damu ma waslu fid-destinazzjoni.

Is-sit tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kkonferma dawn it-titjiet bid-dewmien ivarja bejn nofsiegħa u erba’ siegħat. Matul il-lejl, it-titjiriet li minn Malta jitilqu lejn Malaga, Katanja, Palermo, Venezja u Tel Aviv se jitilqu tard.

Il-passiġġiera huma mħeġġa biex isegwu l-iżviluppi fuq is-sit www.maltairport.com.

Aktar kmieni, Newsbook.com.mt żvela kif minn din il-ġimgħa se jkun hemm żieda fil-prezz tal-ikel u x-xorb fuq l-Air Malta.