Dewmien fl-għoti tat-tender għad-dgħajsa għall-kwarantina tal-immigranti

Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri kkonferma li għadu għaddej il-proċess tat-tendering għall-pjan tal-Gvern li jospita lill-immigranti fuq dgħajjes ‘il barra mill-kosta Maltija. Il-Ministru Camilleri żvela wkoll li dan il-proċess għadu għaddej minħabba li hemm appell minn kumpanija dwar l-istess proċess.

Il-proġett tal-Gvern huwa li l-immigranti jservu l-kwarantina fuq il-baħar qabel ma jirfsu fuq art Maltija.

F’Lulju l-Gvern ħareġ sejħa għal espressjoni ta’ interess
Il-Gvern ifittex bastiment biex ipoġġi l-immigranti fuqu

Huwa kkonferma dan fit-tweġibiet li ta lill-ġurnalist tat-Times of Malta f’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu fejn qal li l-immigranti li se jkunu salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta se jitħallew jiġu Malta wara li jkunu għamlu żmien preventiv fuq id-dgħajsa mikrija mill-Gvern Malti u wara li jittestjaw negattivi mill-coronavirus.

Il-Ministru ġġustifika l-prezzijiet għoljin li ġew sottomessi mill-14-il kumpanija billi qal li Malta jeħtieġ ikollha post fejn is-segregazzjoni tista’ ssir kif suppost. Stqarr li fejn tidħol is-saħħa m’hemmx limitu ta’ flus.

DOI – Omar Camilleri

Semma wkoll li fl-Italja qed titħaddem sistema simili fejn fuq id-dgħajjes tkun tista’ tingħata wkoll assistenza medika lill-immigranti. Din l-assistenza medika se tingħata mill-Malta Red Cross u l-Gvern se jkun lest li jagħti l-għajnuna fejn meħtieġ.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) kienet ikkritikat lill-Prim Ministru Robert Abela u nsistiet li l-immigranti salvati mill-għarqa ma kellhom ebda tort fiż-żieda tal-każijiet tal-coronavirus fil-komunità.

Dan wara li f’intervista politika, il-PM kien kritiku taż-żieda tal-istatistika tal-każi ta’ COVID-19 fost l-immigranti li qed jiżdiedu mat-total fl-istatistika ta’ Malta.