“Dewmien fix-xogħlijiet: Sejba ta’ oġġetti arkeoloġiċi” – Justyne Caruana

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana spjegat li l-ħidma fit-Triq l-Arċisqof Pietru Pace u l-inħawi fir-Rabat Għawdex, ħadet aktar żmien milli mistenni, fost l-oħrajn minħabba sejba ta’ oġġetti arkeoloġiċi.
B’reazzjoni għall-artiklu li deher fuq Newsbook.com.mt, Ilmenti dwar toroq maqlugħin f'Għawdex; Il-Kunsill jgħid li ma ġiex ikkonsultat, il-Ministeru għal Għawdex qal li l-proġett kien fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Min-naħa tiegħu s-Sindku tar-Rabat Għawdex Samuel Azzopardi, kien qal li x-xogħlijiet kienu responsabbiltà tal-Enemalta.
Il-Ministeru għal Għawdex spjega li l-idea ewlenija kienet li titqatta’ trinka biex jgħaddu s-servizzi essenzjali u wara jingħata l-asfalt, fuq inizjattiva tiegħu.
Il-Ministeru temm jgħid li se jkopri l-ispejjeż addizzjonali relatati mal-proġett u li diġà għadda l-baġit allokat għal dan, lill-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma.
Fil-jiem li għaddew residenti fir-Rabat Għawdex ilmentaw ma’ Newsbook.com.mt  li dawn l-inħawi ilhom żmien twil maqlugħin, b’konsegwenza li qed jinqalgħu ħafna trabijiet u li qed ikun ta’ detriment għas-saħħa tagħhom, b’mod partikolari għat-tfal.
Min-naħa tiegħu s-Sindku Samuel Azzopardi kien qal li ma ġiex ikkonsultat fix-xogħlijiet.
L-Enemalta kien stqarret li x-xogħlijiet min-naħa tagħha tlestew iżda flimkien magħha kien hemm entitajiet oħra li qed jagħmlu xi xogħlijiet.