Aġġornata: “Dewmien fir-riżultati u problemi għar-resits”, l-MCAST twieġeb

L-Istudenti Demokristjani Maltin l-SDM qalet li kellha taħdidiet mat-tmexxija tal-MCAST dwar ir-resits tal-eżamijiet u materji oħra li qed jinkwetaw lill-istudenti.

Fi stqarrija l-SDM qalet li għafset lit-tmexxija tal-MCAST biex tipprovdi tweġibiet dwar l-eżami tas-sinopsi li l-istudenti qed jagħmlu f’Ġunju. Qalet li dan jista’ joħloq problemi lil dawk l-istudenti jekk ikun hemm dewmien biex joħorġu r-riżultati qabel ir-resits, u qalet li huwa important li l-istituti kollha tal-MCAST jimxu mal-istess kriterji.

L-SDM qalet li rrikmandat metodi ta’ kif studenti Għawdxin ikunu jistgħu jagħtu l-assignments tagħhom minn Għawdex stess jew b’mod elettroniku.

Semmiet kif it-tmexxija tal-MCAST qablet ukoll mal-proposta tal-SDM li l-assignments u r-riżultati tagħhom jkunu pubblikati fuq sistema elettronika apposta. L-SDM qalet li ntlaħaq qbil li din se tibda titwettaq mis-sena d-dieħla.

Intant l-MCAST wieġbet li s-sistema ta’ evalwar tal-istudenti mhix ibbażata biss fuq l-eżami finali, iżda hija sistema fejn l-istudenti jiġu evalwati s-sena kollha b’sistema ta’ synoptics. L-MCAST sostniet li hija tat biżżejjed ħin lill-istudenti biex jippreparaw għall-eżamijiet tagħhom.