Dewmien fil-vapuri tal-Gozo Channel wara li ħaddiema ma rrappurtawx għax-xogħol

Dalgħodu l-vapuri tal-Gozo Channel ħallew serbut ta' karozzi l-art minħabba li kien hemm impjegat wieħed biss tal-kumpanija ibiegħ il-biljetti. Dan wara li l-impjegati l-oħra ma rrappurtawx għax-xogħol fuq direttiva tal-Union Ħaddiema Magħqudin.

Newsbook.com.mt huwa nfurmat li dan wassal biex il-vjaġġ tas-7.30 am ħalla ħafna karozzi warajh u biex ilaħħaq mad-domanda kellu jsir ukoll vjaġġ ieħor għall-ħabta tad-9 am.

Sorsi qrib il-Gozo Channel qalulna li l-UĦM ħarġet din id-direttiva wara li erba' impjegati tal-Gozo li kienu fil-front desk u bdew jaħdmu bħala bejjiegħa tal-biljetti kienu qed jaħdmu f'ħinijiet 'komdi' għalihom, bil-konsegwenza li dawk li ilhom jagħmlu dan ix-xogħol qed ikollhom jidħlu fix-xiftijiet li jibqa'. 

Ikkuntattjata minn Newsbook.com.mt, il-UĦM qalet li l-problema hija dwar ir-rosters tal-bejjiegħa tal-biljetti li mhumiex imqassma b'mod ugwali.

Il-UĦM sostniet li d-direttiva ġiet sospiża hekk kif bdew id-diskussjonijiet bejn il-unjin u l-management tal-Gozo Channel.