Dewmien biex jitlesta l-ktieb ta’ Game of Thrones jista’ jaffettwa l-produzzjoni televiżiva

Segwaċi tas-serje televiżiva popolari Game of Thrones jistgħu jibqgħu diżappuntati hekk kif l-awtur tal-kotba mill-istess sensiela, George R. R. Martin jidher li ma laħħaqx spiċċa l-ktieb li jmiss mis-sensiela Winds of Winter sa tmiem l-2015.
Barra minn hekk, jidher li d-dewmien biex jitlesta l-ktieb li jmiss mistenni jieħu diversi xhur.
Riżultat ta’ dan id-dewmien, in-network televiżiv Amerikan HBO li għandhom d-drittijiet esklussivi tas-serje Game of Thrones jinsabu mħassba li dan se jaffettwa l-produzzjoni tagħhom hekk kif f’April li ġej se jibdew jixxandru l-ewwel episodji mis-sitt staġun tal-istess sensiela.
Jekk il-ktieb ma jilħaqx jitlesta, l-awtur mistenni jiżvela kif se tiżvolġi l-istorja lill-produtturi, madankollu, dan jista’ jiddiżappunta iżjed lill-qarrejja tas-sensiela li jispiċċaw ikunu jafu l-eżitu tas-sensiela qabel ikollhom il-ktieb f’idejhom.