Mijiet ta’ devoti jsellmu lill-vara tar-Redentur fl-Isla

Illum wara nofsinhar saret purċissjoni bil-vara tar-Redentur minn u lejn il-Bażilika tal-Isla.

Id-devozjoni lejn ir-Redentur hija fost l-aktar popolari f’Malta. Kien għalhekk li mijiet ta’ nies attendew għal dan il-pellegrinaġġ. Il-vara tar-Redentur ġewwa l-Isla toħroġ f’purċissjoni tliet darbiet fis-sena. Bħal ma ġara llum, dejjem ikun hemm folol kbar ta’ nies minn Malta kollha.

Minbarra li toħroġ fir-Randan, il-vara toħroġ ukoll fil-Ġimgħa l-Kbira u l-Ħadd ta’ wara l-Festa tal-Qalb ta’ Ġesu.

Din id-devozzjoni mill-Isla llum il-ġurnata nxterrdet ma’ Malta kollha, l-iktar fejn hemm xi statwa tar-Redentur, bħall-Mellieħa, l-Ħamrun, Ħal-Luqa u Ħal-Qormi, Ħaż-Żebbuġ, Raħal Ġdid u ż-Żejtun.

It-tradizzjoni hija waħda antika ħafna. Sa mis-sena 1702, fl-inventarju antik tal-Parroċċa ta’ Bormla tissemma vara tar-Redentur.