Aġġornata (2): Dettalji dwar il-qattiel tal-annimali fil-Mosta…jitressaq il-Qorti llum

Wara kważi tliet snin ta’ stħarriġ il-Pulizija llum mistennija tressaq il-Qorti l-persuna akkużata bil-qtil tal-annimali fil-Mosta hekk kif għandha suspetti li r-raġel wara dawn il-qtil, għandu 37 sena u hu mill-Mosta.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li lbieraħ il-Pulizija tal-Mosta daħlu fid-dar tiegħu u fil-kompjuter sabu materjal li għandu x'jaqsam mal-qtil tal-annimali.  Jidher li jaħdem bħala inġinier tal-Enemalta u li kien ingħata l-kura minħabba problemi psikjatriċi. Jidher li hu magħruf mal-Pulizija u kellu każi oħra pendenti.

Jirriżulta li l-akkużat ma jiġix minn Franġisku Buhagiar, ir-raġel li mal-bieb tar-remissa tiegħu fil-Mosta nstab l-ewwel kelb imsallab rasu ‘l isfel.  Fil-bidu ta’ dawn il-qtil is-suspett waqa’ fuq Buhagiar iżda wara serje ta’ testijiet, irriżulta li ma kellu xejn x’jaqsam mal-każi.  Ir-remissa hi l-istess waħda fejn fl-1999 Buhagiar, magħruf bhala Fre Bażżu, kien qatel lil oħtu Marija wara argument fuq toast maħruq.  Minħabba dan il-qtil, Franġisku kien weħel 10 snin priġunerija.

L-aħħar każ ta’ tislib kien fi Frar li għadda meta mal-knisja ta’ Mosta tpoġġew żewġ annimali mejta: kelb imsallab maġenb il-bieb tas-sagristija u qattus mal-istatwa ta’ San Filippu fuq iz-zuntier tar-Rotunda.  Dakinhar il-kameras tas-sigurtà, qabdu persuna ddendel annimali mejta.
 
Bħal fil-każi l-oħra, anke f’ dan il-każ, instabet ittra maħsuba li nkitbet mill-moħħ wara dawn il-każi. L-ittra li nstabet fl-intern tal-qattus, tiddeskrivi l-ħajja diffiċli li għaddej minnha raġel, li għal iktar minn 48 sena jgħid li sofra minn għajbien ta’ tama li jsib mara li tħobbu u li minnha jista’ jkollu l-ulied. Għall-kuntrarju, l-ittra tgħid li dan ir-raġel minflok, sab mara li għamlitlu ħajja iktar diffiċli. Joħodha kontra Alla li warrbu u kontra l-ilsien ħażin tan-nies.
 
L-ewwel każ ta’ annimal imsallab imur lura għas-16 ta’ Ottubru 2011.  Minn dakinhar sal-lum b’kollox inqatlu u ssallbu 13-il annimal: 3 iklieb u 10 iqtates.  

Aktar tard illum, fit-3:30pm, il-pulizija se tindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar dan il-każ.