Kontroversja oħra fil-PN wara l-istħarriġ tal-MaltaToday

Read in English.

L-istħarriġ ippubblikat illum fuq il-gazzetta MaltaToday wassal għal kontroversja oħra fil-Partit Nazzjonalista hekk kif dawk li jridu lil Delia jirriżenja iktar saħħew fehmthom filwaqt li Delia nnifsu qal li l-mument tad-deċiżjonijiet wasal.

“Determinati li t-tesserati jagħżlu Kap ġdid” – il-maġġoranza tal-MPs tal-PN

Il-Membri Parlamentari li sfiduċjaw lill-Kap tal-PN Adrian Delia qalu li huma determinati biex jaslu għal vot fost it-tesserati tal-PN biex jagħżlu Kap ġdid malajr. Dan qaluh fi stqarrija konġunta li fiha rreaġixxew għall-istħarriġ tal-gazzetta MaltaToday li fiha Therese Comodini Cachia ġabet l-istess riżultat daqs Adrian Delia fl-ewwel ġħimgħa minn meta hija ġiet innominata bħala Kap tal-Oppożizzjoni mill-istess deputati. Huma jgħidu li dan minkejja li mhix hi il-Kap tal-PN u lanqas għandha pjattaforma tal-media bħalma għandu Adrian Delia.

Jispjegaw li Kap ġdid jista’ jgħaqqad il-mużajk fi ħdan il-Partit u jlesti ruħu sew għall-elezzjoni ġenerali li ġejja. Komplew jgħidu li fin-nuqqas ta’ dan, il-PN se jkun “ikkundannat għal riżultat elettorali diżastruż”.

L-istqarrija kienet iffirmata “mill-maġġoranza assoluta tal-Grupp Parlamentari tal-PN” u fiha qalu li l-istħarriġ huwa ta’ tħassib għalihom għax jixtiequ jaraw PN “b’saħħtu, serju u alternattiva kredibbli għall-gvern ta’ Robert Abela li huwa mifni bi skandli ta’ korruzzjoni”.

Fl-istħarriġ ġiet ikkonfermara x-xejra ħażina għall-PN u għal Adrian Delia. Id-differenza fit-trust ratings bejn il-Kapijiet tal-partiti hu ta’ 45 punt perċentwali, b’elezzjoni ġenerali llum il-Partit Nazzjonalista jitlef b’aktar minn 80,000 vot.

Jgħidu li sinnifikanti huwa l-fatt li minn dawk li ma vvutawx fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 Therese Comodini Cachia tirreġistra il-fiducja ta’ 9% filwaqt li Adrian Delia ma jirreġistra xejn.

Intervista ma’ Therese Comodini Cachia fuq Newsbook.com.mt
Filmat: X’għandha f’moħħha Comodini Cachia għall-pajjiż u għall-PN?

Delia dwar min ma hemmx post għalih fil-PN

Adrian Delia qal li l-istħarriġ xejn mhu pożittiv. Huwa qal li se jaġixxi kontra min fi kliemu jinteressah biss biex jagħmel il-ħsara għax qal li “l-mument tad-deċiżjonijiet wasal”.

Semma wkoll l-argument li l-istħarriġ sar fl-agħar ġimgħa għall-PN meta qal li għadd ta’ deputati wettqu konfoffa kontrih. Filwaqt li semma dan l-argument u qal li ma jixtieqx jagħmlu.

Huwa stqarr li dawk li kienu jgħidulu li messu ilu li kellu jaġixxi fosri għandhom raġun. Spjega li l-kuxjenza u d-dmir talbuh li l-ewwel jagħmel ħiltu biex jilqa’ anke lil dawk li ma riduhx qatt.

Fuq Facebook huwa stieden lil dawk kollha li jsegwuh biex iwettqu dik li sejjħilha bħala “bidla meħtieġa”.

“Se jattakkawna. Se jippruvaw iħammġuna. Se jivvintaw dwarna”, stqarr Delia fl-istess ħin li qal li mhux se jbeżżgħuh u lanqas se jintimidawh. Qal ukoll li jitlef min lest imur kontra l-arma imma jirbaħ il-PN u tirbaħ Malta.

Dwar din is-sitwazzjoni tkellem ukoll il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo. Huwa qal li wieħed jivvota kontra l-partit tiegħu stess qatt mhu aċċettabbli. Hu qal dan permezz ta’ post fuq Facebook fejn kien qed jitkellem dwar is-survey tal-MaltaToday li kkumpara l-fiduċja f’Therese Comodini Cachia meta kkumparata mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u anke mal-Prim Ministru Robert Abela.