Determinati li naħdmu għall-interess tal-pajjiż u tal-partit – 19 MPs tal-PN

Read in English.

Il-grupp tal-membri parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li lbieraħ ivvutaw kontra l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li d-19 li huma huma determinati li jaħdmu għall-interess ta’ Malta u tal-PN.

Fi stqarrija d-19-il MP qalu li l-vot tal-bierah kienet għażla diffiċli li l-grupp parlamentari kellu jaffaccja.

“Irridu li pajjiżna jerga’ għan-normalità, jirriakkwista r-reputazzjoni tiegħu u jerġa’ jistabbilixxi demokrazija b’saħħita. Biex isir dan il-pajjiż għandu bżonn oppożizzjoni b’saħħitha. Il-Partit Nazzjonalista jixraqlu ċ-ċans li jerġa’ jikseb il-fiduċja tan-nies u jsir gvern alternattiv,” qalu l-MPs.

L-MPs qalu li fl-aħħar xhur inżammu ħafna laqgħat tal-grupp parlamentari. Intqal li l-grupp “indika t-tħassib tiegħu” f’dawn il-laqgħat.

“Adrian Delia ripetutament ġie mistieden sabiex ikompli jipparteċipa u jikkontribwixxi fl-Oppożizzjoni fi rwol differenti,” qalu l-MPs.

Appellaw lil Delia biex f’dawn iċ-ċirkostanzi jqiegħed lil partit u l-interess tal-pajjiż l-ewwel.

Temmew jgħidu li din hija sejħa li trid tara lill-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsib il-kuraġġ u l-fiduċja fil-valuri tiegħu.

L-istqarrija ġiet iffirmata mill-MPs tal-PN Chris Said u Therese Comodini Cachia. Dan għamluh għan-nom tad-deputati li appoġġjaw il-vot ta’ sfiduċja kontra Delia li ttieħed fil-laqgħa tal-bieraħ fid-Dar Ċentrali.

Il-vot tal-bierah kien ghazla difficli li l-grupp parlamentari kellu jiffaccja. Irridu li pajjizna jerga ghan-normalita,…

Posted by David Thake on Wednesday, July 8, 2020

Sont sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt, il-President George Vella ma avviċina lil ħadd mill-Membri Parlamentari Nazzjonalisti biex jiddiskuti magħhom il-ħatra ta’ Kap tal-Oppożizzjoni ġdid wara li Adrian Delia gie sfiduċjat minn kważi żewġ terzi tal-Grupp Parlamentari.

B’kuntrast ma’ rapporti fil-midja, il-President George Vella attenda għall-appuntamenti kollha li kellu skedati għal-lum. Sadanittant, l-istennija tkompli hekk kif il-President għadu ma sejjaħx lill-Grupp Parlamentari tal-PN biex jinnomina kap ġdid tal-Oppożizzjoni. Skont informazzjoni minn sorsi qrib il-maġġoranza ta’ kontra Delia, l-isem ta’ kap ġdid ġie identifikat u kkomunikat lil Newsbook bil-kundizzjoni tal-kunfidenzjalità.