Detenzjoni immigranti: “Illegali u abbużiva” – Il-Qorti

Facebook / Solidarity with Migrants

Read in English.

Id-detenzjoni ta’ grupp ta’ migranti mill-Mali ġiet iddikjarata illegali mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali.

Il-grupp ta’ nies kienu waslu Malta bejn l-2008 u l-2015 billi rikbu fuq dgħajsa mill-Libja. Huma reġgħu ġew arrestati fl-2016. L-irġiel l-ewwel kienu ngħataw ordnijiet ta’ tkeċċija individwali, li setgħu jappellaw f’perjodu ta’ tliet xhur. L-ordni tat-tkeċċija intbagħtet qabel ma setgħu jappellaw lill-Kummissarju tar-Refuġjati għall-ażil.

L-irġiel ma ġewx mibgħuta lura, u wara li qattgħu xi żmien f’detenzjoni, baqgħu Malta għal numru ta’ snin wara. L-individwi kienu qed jibnu ħajja għalihom nfushom wara li anka ngħatalhom permess tax-xogħol, skont l-applikazzjoni tal-Qorti.

F’Novembru tal-2016, l-irġiel ġew imsejjħa biex iġeddu l-permess. Però, ġew infurmati li qed jerġgħu jiġu arrestati u li se jitpoġġu f’detenzjoni fiċ-Ċentru ta’ Ħal Safi. Dan kien sakemm tasal delegazzjoni mill-Mali li kienet ġejja Malta biex tidentifika ċ-ċittadini tagħha.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, il-Ministeru għall-Intern u l-Avukat Ġenerali ddefendew id-deċiżjoni tagħhom billi qalu li l-irġiel ma kkuntestawx l-ordni tat-tkeċċija. L-argument tagħhom kien li qatt ma kellhom permessi għar-residenza, u lanqas protezzjoni umanitarja. Din tfisser li huma “nies projbiti” skont il-liġi. Barra minn hekk, insistew li l-arrest kien permessibbli għax l-ordni tat-tkeċċija kien għadu validu.

Il-Qorti osservat li kienu ilhom jgħixu Malta b’mod ħieles mill-2008, bl-iktar wasla riċenti fl-2015. Barra minn hekk, il-Qorti qalet li m’għandix provi tanġibbli li l-applikanti ġew indentifikati mid-delegazzjoni mill-Mali. B’hekk, il-Qorti ddeċidiet li d-detenzjoni tagħhom hija illegali.

Il-Qorti nnutat li fil-mument li l-irġiel reġgħu ġew arrestati, l-applikanti ngħataw it-trattament daqs li kieku daħlu fil-pajjiż għall-ewwel darba u ġew miżmuma għall-perjodu ta’ żmien. Barra minn hekk, l-irġiel ma ngħatawx ordni ta’ tkeċċija bil-miktub, u l-possibiltà biex jikkuntestaw d-deċiżjoni. Minħabba f’hekk, kienet diffiċli biex jifhmu għala kienu qed jerġgħu jiġu arrestati.

Ħareġ ukoll li ngħataw aċċess għal avukat wara li persuna terzjarja tathom kuntatt.

L-avukat Gianluca Caruana Curran kellu jistenna mit-8 ta’ Diċembru sal-14 ta’ Diċembru 2016 biex jiltaqa’ mal-klijenti tiegħu fid-detenzjoni.

L-Imħallef Joanne Vella Cuschieri ddikjarat li d-detenzjoni tal-applikanti ma kenitx valida għax kienet ibbażata fuq deċiżjoni abbużiva biex jibgħatuhom lura. L-applikanti ma ngħatawx remedju effettiv biex jikkuntestaw din id-deċiżjoni.

Il-Qorti osservat li l-awtoritajiet ma pruvawx jagħmlu sforz biex janalizzaw il-każijiet individwali u din fissret li l-arrest kien abbużiv u illegali.