Destiny tħalli l-marka tagħha!

Ritratt: Andres Putting

Waqt il-provi li rajna s’issa lil Destiny Chukunyere ma rajnihix. Hija l-backing singer ta’ Michela għal Chameleon f’din l-edizzjoni tal-Eurvision Song Contest u tkun qed tkanta minn wara l-palk.

Madanakollu, filwaqt, kif inhu xieraq, l-attenzjoni qed tingħata lill-ambaxxatriċi Maltija Michela Pace, il-ġurnalisti li qed isegwu l-andament tal-provi tal-64 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest bdew jirrappurtaw il-preżenza ta’ Destiny Chukunyere f’Tel Aviv.

Ritratt: Andres Putting

Lill-kantanta żagħżugħa ta’ 16-il sena jafuha mhux biss mill-Junior Eurovision Song Contest li hi rebħet fl-2015 iżda wkoll mid-dehra li kienet għamlet fil-Eurovision tal-2016 meta telgħet fuq il-palk u ġiet intervistata Måns Zelmerlöw, ir-rebbieħ tas-sena ta’ qabel.

Wara dan, Destiny kompliet tiġbed aktar attenzjoni fuqha meta fl-2017 ipparteċipat u waslet sas-semi finali tal-kompetizzjoni televiżva Britain’s Got Talent tar-Renju Unit.

Apparti li s-sehem ta’ Destiny “nkixef” minn ritratti uffiċċjali maħruġa mis-sit uffiċċjali tal-Eurovision, bosta ġurnalisti u fans oħra kellhom iċ-ċans jarawha fil-welcome party għal Malta fil-Eurvision.

Michela se tkun qed terġa’ titla fuq il-palk tal-Eurovision nhar is-Sibt filgħodu meta titla’ għat-tieni prova tagħha flimkien mal-erba’ żeffiena li qed jakkumpanjawha.

Il-korjografija hija ta’ Ambra Succa, li hija l-istess korjografa li l-kantanta Loreen kellha għall-Euphoria, il-kanzunetta rebbieħa tal-Eurovision tal-2012.

Il-grafika li qed tidher mal-wirja ta’ Michela tħalliet f’idejn Front Pictures, design studio mill-Ukrajina li kien ħa ħsieb ukoll il-grafika li ntużat għall-kanzunetta 1944, li biha l-kantanta Jamala rebħet il-Eurovision fl-2016.

Segwi hawnhekk siltiet mill-ewwel prova ta’ Michela fil-Eurovision Song Contest: