Destiny se tirrappreżenta lil Malta għall-Eurovision tal-2021

Read in English.

Il-PBS ħabbar li Destiny Chukunyere li kellha tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest din is-sena, se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fl-2021 minflok.

Id-deċiżjoni tal-PBS tħabbret permezz ta’ post fuq Facebook. Destiny kienet ir-rebbieħa tat-tieni staġun ta’ X-Factor Malta. Dan ħa post il-Eurovision Song Contest f’Malta li fil-passat kien jagħżel il-kanzunetta li mbagħad tirrappreżenta lil Malta fl-Ewropa.

Proud of our X Factor Malta Season 2 winnerDestiny Chukunyere!Eurovision Song Contest 2021 here she comes!Forza…

Posted by X Factor Malta on Saturday, May 16, 2020

Fl-aħħar ftit ġimgħat is-sit influwenti tal-Eurovision Song Contest Wiwiblogs kellu votazzjoni għaddejja fejn il-fans kollha madwar id-dinja kellhom ċans jivvutaw għall-kantanta l-aktar favorita tagħhom fil-65 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest li kellu jsir bejn it-12 u s-16 ta’ Mejju.

Għal din l-edizzjoni kellhom jieħdu sehem 17-il kantanta minn fost it-43 pajjiż parteċipanti. B’kollox daħaħlu 4,627 vot li minnhom 530 kienu għal Destiny li b’hekk ikklassifikat fl-ewwel post.

Għal din is-sena, Destiny kienet se tirrappreżenta lil Malta bil-kanzunetta All of My Love. Il-European Broadcasting Union (EBU) diġà ħabbret li l-kanzunetti li kien hemm maħsuba għal din is-sena mhux se jkunu eleġibbli li jipparteċipaw fl-edizzjoni tas-sena d-dieħla.

Madanakollu l-istess stqarrija tgħid li se jħallu f’idejn l-istazzjonijiet pubbliċi ta’ kull pajjiż biex jiddeċiedu jekk jipparteċipawx bl-artisti li kellhom jieħdu sehem din is-sena.

Il-kanzunetta All of my Love ta Destiny Chukunyere kienet klassifikat fit-tielet post waqt il-kompetizzjoni “Der Kleine Song Contest” (The Little Song Contest) li sar fuq it-televiżjoni fl-Awstrija maqsuma fuq tlett serati.

Waqt kull programm kienu qed jikkompetu l-kanzunetti li din is-sena kienu mistennija jipparteċipaw fil-65 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest li peró tħassar minħabba fis-sitwazzjoni tal-Covid-19.