Destiny b’liema kanzunetta se tieħu sehem fil-Eurovision?

41 pajjiż fosthom Malta se jkun qed jieħu sehem fil-65 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest li se jittella’ f’Rotterdam fl-Olanda fit-18, fl-20 u fit-22 ta’ Mejju tas-sena d-dieħla. Malta se tkun rappreżentata minn Destiny Chukunyere li oriġinarjament kellha tieħu sehem fil-Eurovision f’Mejju li għadda li però tħassar minħabba fil-pandemija tal-Covid-19.

Għaldaqstant bi tħejjija għall-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Eurovision li jmiss, il-PBS qed jagħmel sejħa lill-kompożituri u awturi biex sa nhar il-Ġimgħa li ġej jibagħtu email fejn juru l-interess tagħhom li jippreżentaw kanzunetta oriġinali li biha Destiny tista’ tirrappreżenta lil pajjiżna fl-edizzjoni li jmiss tal-Eurovision Song Contest.

19-il pajjiż parteċipant ikkonferma li l-parteċipazzjoni tiegħu se tkun mill-istess artist li kellu jirrappreżentahom fl-edizzjoni li tħassret, u għaldaqstant Destiny, rebbieħa tat-tieni edizzjoni ta’ X Factor Malta, se tkun l-ambaxxatriċi ta’ pajjiżna.

Dawk interessati għandhom jibagħtu email fuq submissions@pbs.com.mt sal-Ġimgħa 30 ta’ Ottubru. Wara l-PBS se jkun qed jirċievi dettalji u linji gwida dwar l-istil mistenni għall-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Eurovision Song Contest.