Destinazzjoni ġdida għall-Air Malta minn Marzu

Minn Marzu li ġej, il-linja nazzjonali tal-Ajru, l-Air Malta, se tibda ttir lejn Lisbona, il-kapitali tal-Portugall.
Għal bidu, l-Air Malta se tibda ttir lejn l-Ajruport Potela nhar ta’ Ħamis u Ħadd b’biljetti one-way jibdew minn €39.
Il-Kap Kummerċjali tal-Air Malta, Paul Sies qal li fl-ewwel sena, il-linja tal-ajru qed tippjana li ġġorr 10,000 passiġġier bejn iż-żewġ pajjiżi.
Lisbona hija l-akbar belt tal-Portugall u tilqa’ fiha diversi siti storiċi fosthom it-torri tad-difiża ta’ Belem li hu mibni fuq żona ta’ blat spuntat fuq ix-Xmara Tagus.
Hemm ukoll iż-żona ta’ Alfama u l-Kastell ta’ San Ġorġ li jmur lura għaż-żmien ir-Rumani.
Il-ġimgħa li għaddiet l-Air Malta ppubblikat ir-rapport finanzjarju annwali tagħha. Filwaqt li fl-aħħar sena għamlet telf ta’ €13-il miljun, il-linja tal-ajru qed tippjana li taqleb il-paġna minn Marzu li ġej.