“Deroga li falliet b’mod qawwi” – BirdLife

Il-BirdLife Malta kkritikat id-deroga tal-insib u qalet li din "falliet b'mod qawwi". L-Għaqda rreferiet għal-liġi li nħolqot għall-insib tal-għasafar tal-għana mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Slavaġ (WBRU), fil-Ministeru għall-Ambjent. 
Il-BirdLife irrappurtat numru ta' siti lid-WBRU tul l-2016 dwar numru ta' mnasab li jinsabu f'żoni kostali u f'siti Natura 2000 – siti li kien jidher li jinsabu fuq ħabitat protett skedat mill-Awtorità tar-Riżorsi. 
Minn dawn ir-rapporti aktar minn 40% kienu fuq siti li ma kinux irreġistrati u l-każ kellu jiġi mgħoddi biex tittieħed azzjoni ta' infurzar. 
Il-BirdLife Malta ilmentat għax s’issa baqgħu bla risposta dwar jekk ittiħditx azzjoni, kif ukoll għadu mhux magħruf l-impatt ambjentali fuq dawn is-siti.
L-għaqda kkritikat il-fatt li l-ebda awtorità ma ħadet ir-responsabbiltà u wisq inqas azzjoni.
Ir-riżultat ta’ dan hu li kull meta jinfetaħ l-istaġun tal-insib ammont kbir ta’ siti li jinsabu tul il-kosta qed jintużaw, u ħadd ma jkun jista’ jiddistingwi bejn sit legali u ieħor illegali.
L-għaqda kkumparat il-kaċċa mal-insib. Hi ddeskriviet l-insib bħala “agħar” minħabba li fil-każ tal-kaċċa l-membri tal-pubbliku jistgħu jkunu kapaċi jiddistingwu meta tinqatel speċi protetta u jagħmlu rapport mal-Pulizija filwaqt li dan mhux possibli fil-każ tal-insib.
L-għaqda ilmentat ukoll li l-lista ta’ aktar minn 8,000 sit ta’ mansab fejn id-WBRU awtorizzat li jsir l-insib ma ġietx ippubblikata.  
L-insib reġa beda jiġi permess mill-2014.
Ritratt-BirdLife Malta