Deputati Maltin fi Brussell jiddiskutu l-immigrazzjoni

L-eks-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u ċ-Chairperson tal-Kumitat tal-Parlament Malti dwar l-Affarijiet Soċjali Etienne Grech attendew il-Kumitat Inter-Parlamentari dwar l-immigrazzjoni u t-toroq legali għal migrazzjoni u l-integrazzjoni.
Politiċi minn madwar l-Ewropa ltaqgħu ma’ għadd ta’ rappreżentanti ta’ għaqdiet internazzjoni mill-qasam tal-immigrazzjoni fosthom il-UNHCR u l-OECD biex jippreżentaw il-veduti tagħhom u jipparteċipaw f’dibattiti u skambji tal-ħsibijiet.
Bħala eks-Membru Parlamentari Ewropew u membru tal-Kumitat tal-Ġustizzja u l-Libertajiet Ċivili fi ħdan il-Parlament Ewropew, Simon Busuttil tkellem dwar l-importanza li ssir differenza bejn immigranti illegali u persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali minħabba diversi raġunijiet.
Busuttil tkellem ukoll dwar l-importanza li l-aġenzija Ewropea EASO, li hija bbażata f’Malta, tiġi msaħħa biex toffri aktar għajnuna diretta lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.