Denunzji Repubblika: Il-Pulizija ħadu 27 siegħa biex infurmaw lill-maġistrat

Skont ir-rapport tal-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud, il-Pulizija kkomunikaw miegħu b’mod verbali ż-żewġ denunzji ta’ Repubblika fis-17 ta’ April fis-6pm. Fil-fatt Repubblika kienet ippreżentat id-denunzji tagħha fid-Depot tal-Pulizija fis-16 ta’ April fit-3.15pm. Dan ifisser li minkejja li Artiklu 540 tal-Kodiċi Kriminali jobbliga lill-Pulizija biex taġixxi “mill-aktar fis”, il-Pulizija ħadu 27 siegħa biex infurmaw lill-Maġistrat Joe Mifsud li kien il-maġistrat tal-għassa fis-17 ta’ April. Meta Repubblika ppreżentat id-denunzji tagħha kien hemm persuna differenti bħala maġistrat tal-għassa.

Ir-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Mifsud jikkuntrasta ma’ dak li wieħed x’aktarx li jasal biex jikkonkludi mir-risposta li l-Pulizija taw lil Newsbook.com.mt. Fir-risposta tagħhom il-Pulizija qalu li kif is-segreterija tal-Aġent Kummissarju fetħet fis-7.30am nhar is-17 ta’ April, “id-denunzji ġew mgħoddija lill-Aġent Kummissarju u ġew proċessati minnufih.”  Aktar ’l isfel l-istqarrija tal-Pulizija qalet li “l-Aġent Kummissarju eżercita din is-setgħa fis-17 ta’ April stess.”

L-użu tal-kliem “immedjatament” u “minnufih” tati l-impressjoni li l-Pulizija marru mill-ewwel għand il-Maġistrat kif tobbliga l-Liġi Kriminali, iżda issa jirriżulta li skont il-Maġistrat Mifsud, il-Pulizija stennew sas-6pm biex ikellmuh.

Kuntrast ma’ dak li qalu Repubblika

L-istqarrija li tawna l-Pulizija tikkuntrasta wkoll mat-tweġiba dettaljata li din il-kamra tal-aħbarijiet irċeviet mingħand Repubblika.

Skont il-Pulizija, Repubblika ippreżentat id-denunzji tagħha “fis-16 ta’ April 2020 tard wara nofsinhar.”

Skont Repubblika d-denunzji twasslu bl-idejn fid-Depot tal-Pulizija fit-3.15pm.

Il-Pulizija qalu li l-envelopes kienu magħluqa u b’hekk ingħatat l-impressjoni li ma kinux jafu x’fihom. Żiedu jgħidu li meta twasslu d-denunzji “s-segreterija tal-Aġent Kummissarju kienet diġà magħluqa.”

Repubblika infurmat lil din il-kamra tal-aħbarijiet li meta r-rappreżentant tagħha wasal id-Depot kien infurmat mill-Pulizija li kien għassa li x’aktarx m’hemm ħadd fis-Segreterija. Iżda meta ċċekkja informa lir-rappreżentant ta’ Repubblika li kien hemm xi ħadd u serraħlu moħħu li d-denunzji kienu se jitwasslu fis-segeterija fi żmien “ftit minuti”.

Repubblika nnutat ukoll li fil-5.49pm l-għaqda ppubblikat stqarrija għall-istampa bid-denunzji li kienet tat lill-pulizija u għalhekk, żiedet tgħid Repubblika, il-Pulizija żgur li kienu jafu bil-kontenut tad-denunzji.

Esperti legali li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li fl-esperjenza twila tagħhom qatt ma jafu b’każ ta’ denunzja dwar ħaġa serja li damet daqshekk biex biha jiġi infurmat maġistrat.

It-tweġiba sħiħa tal-Pulizija:

Ġentilment ninfurmak illi d-denunzji tħallew fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fis-16 ta’ April 2020 tard wara nofsinhar, ġo envelopp magħluq u ndirizzat lill-Aġent Kummissarju, meta s-segreterija tal-Aġent Kummissarju kienet diġà magħluqa. Is-segreterija tiftaħ fis-7.30am. Għalhekk nhar is-17 ta’ April, immedjatament mal-ftuħ tas-segreterija, id-denunzji ġew mgħoddija lill-Aġent Kummissarju u ġew proċessati minnufih. Il-liġi tagħti s-setgħa lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll lill-NGO Repubblika f’dan il-każ, li jitolbu direttament il-ftuħ ta’ inkjesta dwar l-in genere lill-Maġistrat inkwirenti. L-Aġent Kummissarju eżerċita din is-setgħa fis-17 ta’ April stess. Il-Pulizija se tkun qed tanalizza l-proċess verbal redatt mill-Maġistrat inkwirenti.

It-tweġiba sħiħa ta’ membru tal-Kumitat ta’ Repubblika:

“Minħabba l-urġenza tal-materja jiena bħala membru tal-Eżekuttiv ta’ Repubblika mort personalment fid-Depot tal-Pulizija l-Furjana nhar is-16 ta’ April fit-3.15pm biex nagħti żewġ denunzji jitolbu investigazzjoni fl-azzjonijiet tal-Prim Ministru u tal-ekwipaġġ ta’ P52 crew rigward il-mewt ta’ immigranti fil-baħar tul il-weekent tal-Għid.

Meta wasalt id-Depot il-pulizija li kien għassa qalli li ġaladarba l-envelopp kien indirizzzat lill-Kummissarju tal-Pulizija u kien qed jitwassal personalment kellu jingħata personalment lil persuna mill-uffiċċju tal-Kummissarju. Għalkemm ma kienx ċert, il-pulizija li kien għassa qalli li jaħseb li dak il-ħin ma kien hemm ħadd fl-uffiċċju tal-Kummissarju. Wara l-insistenza tiegħi minħabba l-importanza tal-każ, il-pulizija ċċekkja biex jara kienx hemm xi ħadd fl-uffiċċju. Ċempel u qalli li kien hemm persuna (jekk mhux sejjer żball semma ‘segretarja’) fl-uffiċċju u li din kienet ġejja biex tiġbor iż-żewġ envelopes u li allura kollox kien sew. Jien staqsejt jekk kienx hemm għalfejn nistenna peress li d-dokument kien importanti. Il-pulizija qalli biex inserraħ rasi u assigurani li fi żmien ftit minuti kien se jagħti l-envelope lis-segretarja. Jien għalhekk ħassejtni rassigurat. Din il-laqgħa damet xi 6 minuti.

Ftit aktar minn siegħa wara f’xi l-4.49pm, Repubblika ħarġet stqarrija għall-media u allura l-kontenut tar-rapport li ngħata lill-Kummissarju issa kien fatt magħruf pubblikament.”