Dentisti f’Mater Dei: Il-Gvern jinqeda bil-barranin meta hemm il-Maltin – UĦM

L-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM) esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-qagħda tad-dentisti fis-servizz pubbliku u appellat lill-Gvern biex ma jimpjegax ħaddiema barranin, bl-iskop li jnaqqar mill-kundizzjonijiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Skont il-UĦM, f’kontroproposta maħruġa mill-Gvern is-sajf li għadda, huwa kien qed jissuġġerixxi li jnaqqas il-paga tad-dentisti b’€2,000, li l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella sejħilha kontrproposta “arroganti.”

Vella sostna li fl-aħħar 5 snin, mill-40 dentist li ggradwaw, hemm biss 8 li jaħdmu mas-servizz pubbliku, u 4 minnhom waqfu jaħdmu mal-Gvern. Vella kkonkluda li jidher li m’hemmx pjan għad-dentistrija fl-Isptar Mater Dei.

Il-UĦM qalet li hi infurmata li l-Gvern qed jipprova jimpjega ħaddiema barranin minflok Maltin, u ħafna minn dawn ma jkunux jifhmu bl-Ingliż, għalhekk il-pazjenti jsibuha diffiċli biex jikkomunikaw magħhom.

Għaldaqstant, il-UĦM appellat lill-Gvern biex ma jinqediex bil-ħaddiema barranin bil-konsegwenza li jsofru l-ħaddiema Maltin.