Dennis Quaid, l-attur … u l-qattus

L-attur ta’ Hollywood Dennis Quaid għadu kif addotta qattus iswed li jismu Dennis Quaid.

Kollox beda meta l-attur sema’ fuq l-aħbarijiet li kien hemm qattus jistenna biex isib min jadottah. Il-qattus Dennis Quaid kien f’santwarju tal-anniaki f’Virginia.

L-attur, waqt intervista fuq il-podcast  ta’ Jimmy Jellinek The Pet Show dwar annimali, qal li ma setax jirreżisti u mar mill-ewwel jiġbor il-qattus mil-Lynchburg Humane Society. Iżda meta n-nies ta’ Dennis Quaid marru biex jiġbru l-qattus u qalulhom min xtaq jadottah, dawk tas-santwarju tal-annimali għall-ewwel ma ridux jemmnuhom.

Danielle Ulmer, li tieħu ħsieb l-annimali tal-Lynchburg Humane Society ħasbet li kienet xi ċajta u kien biss wara li ċemplilha l-attur li kkonvinċiha li hu kien tassew Dennis Quaid. Ftit tal-ħin wara l-attur ra l-qattus għall-ewwel darba fuq Zoom. Jimmy Jellinek se jmur jiġbor lil Dennis Quaid illum is-Sibt u wara jtellgħu fuq ajruplan biex jieħdu lil Dennis Quaid. Wieħed issa jittama li Dennis Quaid jingwalaha ma’ Dennis Quaid.