“Denilson student li fis-silenzju kien ta’ spalla għal sieħbu” – Il-President

The President and Mrs Vella preside over the Papa Ġwanni XXIII Premju għat-Tjubija award-giving ceremony Antoine de Paule Hall, San Anton Palace, Attard

Il-President George Vella  esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal studenti bħal Denilson Long li “fis-silenzju jkunu ta’ spalla u pont għal sħabhom”.

It-tifel ta’ 13-il sena huwa r-rebbieħ tal-Premju Ġwanni XXIII 2019. Long hu student tal-Middle School ta’ Bormla u ntgħażel talli spikka għat-tjubija u l-impenn li wera mal-ħabib tiegħu Kayden Magro li wkoll għandu 13-il sena.

Il-preżentazzjoni tal-midalja saret mill-President fil-preżenza tal-ġenituri tiegħu u għalliema fil-Palazz ta’ San Anton. Il-Kumitat tal-Laboratorju tal-Paċi għażel lil Long bħala xempju ta’ kemm it-tfal kollha huma tajbin u qalbhom tajba.

“Għandu l-ADHD imma ma twaqqfux milli jgħin”

Long, li għandu l-kundizzjoni tal-ADHD, serva bħala għajnuna kbira għal sieħbu li għandu kundizzjoni f’għajnejh fejn saħansitra ma jistax jipparteċipa f’attivitajiet ta’ taħbit, bħal dawk sportivi għax jistgħu jwassluh biex jiggrava l-kundizzjoni tiegħu.

Min-naħa tiegħu Long jaf b’dan kollu u joqgħod attent li ma jħallihx jaħbat rasu jew jitgerbeb f’xi ħaġa. Minkejja li Denilson iħobb jilgħab il-futbol ma’ sħabu fil-ħin tar-rikreazzjoni, jagħżel li jkun ta’ support għal Kaydon billi jilgħab miegħu il-billiard għax dan il-logħob biss jgħodd għalih.

Ġie spjegat li Kaydon jiddejjaq ħafna u jistħi jilbes nuċċali kbir addattat għalih biex jaqra minn fuq l-interactive whiteboard. Minħabba f’hekk Denilson joqgħod qrib tiegħu biex jaqralu bil-mod u jfissirlu x’hemm miktub.

Denilson jaqsam miegħu kull waqt ta’ tfixkil jew meta tinqala’ xi ħaġa minn taħt ir-riħ. Waqt li Denilson mgħobbi bid-diffikultajiet tiegħu u għadu żgħir fi tfulitu, tispikka fih tjubija bla ma juri jew jistenna xi premju.