Demokrazija li ma tismax mill-poplu ssir awtoritarjaniżmu

Mons Scarpellini jagħmel it-twissija tiegħu

“Demokrazija li ma tirrispettax u ma tismax mill-poplu tista’ twassal għal awtoritarjaniżmu li hu l-mod kif il-fariżej jiggvernaw u jilleġislaw bl-iskop li jiddefendu l-poter tagħhom u l-interess tal-partit, aktar milli l-ġid komuni.”

Hekk qal Mons. Eugenio Scarpellini, Isqof ta’ El Alto fil-Bolivia u Direttur Nazzjonali tas-Soċjetajit Missjunarji Pontifiċji, fl-omelija tal-Quddiesa, ftit jiem ilu.

Skont l-Isqof, fil-Bolivia “permezz ta pressjonijiet esterni jew gruppi influwenti u b’saħħithom, qed ikunu mposti liġijiet u prattiċi kontra l-ħajja, il-familja u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali.”

Ispirat minn dak li jingħad fl-Evaġelju “Jien ma ġejtx biex inħassar imma biex inwettaq il-Liġi”, l-Isqof Scarpellini staqsa jekk il-fedeltà lejn il-kmandamenti t’Alla hix ġejja mill-qalb jew jekk hix sempliċement legaliżmu superfiċjali, jew inkella agħar hi mod kif nesplojtjaw il-liġi t’Alla biex niġġustifikaw il-ħażin li nagħmlu.

Mill-qari tal-Vanġelu l-Isqof innota li  “l-osservanza tal-kmandamenti hi l-essenza tal-ħelsien ta’ Israel u l-eżistenza tiegħu bħala poplu” u konsegwentement San Ġakbu jistedinna biex nipprattikaw il-Kelma li nżergħat f’kull wieħed u waħda minnha. “Reliġjon pura quddiem Alla l-Missier hi li ngħinu lill-orfni u r-romol fit-tbatija tagħhom biex jibqgħu ndaf mill-ħażen tad-dinja. Din hi l-konverżjoni li jrid Alla li f’ħajtu kien akkużat li ma osservx il-liġi ta’ Mose, li ma ħallasx it-taxxi u li instiga t-tradiment,” qal l-Isqof.

Hekk kif il-fariżej ippruvaw “isikktu l-verità, llum aħna nistgħu nsikktu wkoll lil dawk li qed jgħidulna l-verità u jiddefenduha b’kuraġġ u b’konsistenza, iżda dejjem se jkun hemm xi profeta li jgħolli leħnu b’difiża ta’ ħutu u d-dinjità tagħhom kif jagħmel missier għal uliedu.”

Scarpellini nnota li “minkejja l-ħafna regoli ġodda f’isem it-trasparenza jew ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja, kull jum nisimgħu b’aħbarijiet ta’ korruzzjoni u applikazzjoni differenti tal-ġustizzja.  Imma Kristu jċanfar l-ipokresija tal-fariżej li ‘jagħtu ġieħ ‘l Alla bil-fomm, imma qlubhom huma ‘l bogħod Minnu.”

Fl-aħħarnett l-Isqof Scarpellini fakkar fil-kliem tal-Papa Franġisku meta fl-2015 kellem lill-movimenti popolari fil-Bolivia: “intom tiżirgħu l-bidla. Hawn fil-Bolivia smajt frażi li għoġbitni: “proċess għall-bidla”.  Bidla li ma tiġix minn xi ħaġa li xi darba tkun riżultat ta’ xi deċiżjoni politika jew bidla fi strutturi soċjali. Aħna nafu minn esperjenza personali li bdil fi strutturi li ma jkunx akkumpanjat minn konverżjoni sinċiera tal-moħħ u l-qalb, xi darba tispiċċa f’aktar burokrazija, korruzzjoni u falliment.  Irid ikun hemm bidla fil-qalb.”