“Demokrazija fażulla mingħajr libertà tal-istampa” – Zammit Dimech

L-ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li s-soċjetajiet li jridu jkunu onesti magħhom infushom, għandhom jiddefendu lill-ġurnalisti u l-libertà tal-espressjoni.
Waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, Zammit Dimech qal li soċjetà mingħajr mezzi tax-xandir ħielsa, m’hi xejn ħlief “demokrazija fażulla”.
Il-Parlament Ewropew approva b’maġġoranza assoluta riżoluzzjoni dwar il-pluraliżmu fil-midja fl-Unjoni Ewropea, li aċċennat tħassib dwar l-istat tal-libertà tal-istampa f’Malta.
Francis Zammit Dimech kien ir-rapporteur tal-Partit Popolari Ewropew għar-Rapport dwar il-Libertà tal-Istampa.
“Se jitwaqqaf korp regolatorju għar-rapporti dwar theddid ta’ ġurnalisti”
Fost l-oħrajn se tagħti appoġġ akbar għall-ġurnalisti investigattivi u l-ħolqien ta’ korp regolatorju indipendenti biex jimmonitorja u jirrapporta dwar theddid kontra l-ġurnalisti.
Għandha tiġi proposta liġi tal-UE kontra s-SLAPPP bil-għan li tipproteġi l-midja indipendenti kontra kawżi intiżi biss biex isiktuhom jew jiġu intimidati.