Demi Lovato titgħammed fix-xmara Ġordan

Ritratt: Instagram/ddlovato

Il-kantanta Amerikana Demi Lovato permezz tal-Instagram qasmet mas-segwaċi tagħha mument partikolari minn ħajjitha li seħħ fl-aħħar ġranet meta kienet żjara fl-Iżrael u tgħammdet fix-xmara Ġordan, l-istess xmara li Ġwanni l-Battista kien għammed fiha lil Ġesù.

“Jien trabbejt bi twemmin Kristjan iżda l-antenati tiegħi huma Lhud,” kitbet il-kantanta li l-ewwel darba li żvelat l-għeruq Lhudi tagħha fl-2015.

“Meta ġejt offruta l-possibbilità li nżur il-postijiet li qrajt dwarhom fil-Bibbja meta kont qed nikber mill-ewwel aċċettajt” kompliet tikteb il-kantanta.

Hija żaret ukoll il-Yad Vashem, li huwa il-World Holocaust Remembrance Centre, kif ukoll fix-Shalva National Centre, organizzazzjoni li tipprovdi kura u attenzjoni lil individwi b’diżabbilità u appoġġ lil qraba tagħhom kif ukoll tgħinhom biex isibu posthom fis-soċjetà.

Il-kantanta ma naqsitx li żżur ukoll il-Ħajt tal-Punent ta’ Ġerusalemm li hu meqjus bħala l-aktar post sagru għal-Lhud kollha madwar id-dinja.

Demi Lovato kitbet ukoll dwar il-fatt li hija tgħammdet fl-istess xmara li fiha kien tgħammed Ġesù, u qalet ukoll li fl-Iżrael ħasset sens ta’ spiritwalità u konnessjoni ma’ Alla, xi ħaġa li kienet ilha nieqsa minn ħajjitha għal bosta snin.