Dell ikrah fuq it-tim ta’ Floriana

Tkompli l-wirja negattiva ta’ Floriana, li lbieraħ fil-grawnd taċ-Ċentinarju, ġew umiljati mit-tim ta’ qabel tal-aħħar Vittoriosa Stars.
Rebħa ta’ 2-1 għal Vittoriosa taf tkun il-bidu għas-salvazzjoni tagħhom.
L-ewwel taqsima ntemmet bl-iskor ta’ 0-0, iżda wara biss żewġ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima, Oscar Guerrero fetaħ l-iskor għal Vittoriosa Stars.
Fl-54 minuta Floriana ġabu d-dro, wara li minn corner, Igor Coronado rċieva l-ballun u mill-viċin għeleb lil gowlkiper Mario Muscat.
Fid-69 minuta, frikik minn fuq ix-xellug ta’ Oscar Guerrero u Ousname Sidibe b’daqqa ta’ ras skurja l-gowl tar-rebħa.
Fl-aħħarnett, żewġ minuti mit-tmiem, Jose Filipe Aguiar tkeċċa għal Vittoriosa Stars.
Qormi għelbu lil Rabat Ajax bl-iskor ta’ 3-1.
Il-gowls Qriema waslu mingħand Jorge Pereira da Silva, Triston Caruana u Jonathan Bondin.
L-uniku gowl Rabti wasal mingħand Diego Carrillo Pendas.
Balzan lura għar-rebħ meta għelbu lil Sliema Wanderers bil-gowl ta’Jose Luis Armario Negrin fit-93 minuta.
Tarxien Rainbows ukoll tilfu bl-iskor ta’ 1-0 kontra Naxxar Lions, bil-gowl li wasal permezz ta’ Raima Bakare.
Illum fl-Istadjum Nazzjonali f’Ta’ Qali, l-liders Birkirkara jilagħbu kontra Mosta u Valletta jilagħbu kontra Hibernians.

Ritratt: Jane Farrugia