Delivery man ieħor aggredit b’sikkina u misruq f’San Ġwann

Read in English.

Delivery man ieħor ġie aggredit b’sikkina u mitlub il-flus minn żewġt irġiel, din id-darba f’San Ġwann.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li s-serqa seħħet matul il-lejl li għadda fuq raġel ta’ 28 sena mill-Pakistan waqt li kien qiegħed xogħol. Ir-raġel għamel rapport l-għassa ta’ San Ġiljan fis-1.15am fejn spjega li l-każ seħħ fi Triq it-Tfief.

Hu qal li kif kien qed isuq il-mutur biex jitlaq minn fuq il-post wara li wassal ordni li kellu tal-ikel f’residenza privata, waqfu quddiemu żewġt irġiel u minħabba f’hekk waqa’ minn fuq il-mutur. Allegatament iż-żewġ ħallelin ħarġu arma li taqta’ u bil-ponta u talbuh il-flus li kellu fuqu.

Malli ħadu l-flus, dawn ħarbu minn fuq il-post. Ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ.

Il-Pulizija għadha qed tinvestiga.

Fl-10 ta’ April, seħħet serqa simili, iżda l-lokalità kienet Ħaż-Żabbar.