Ritratti: Il-Pulizija tarresta persuna b’rabta mad-delitt fil-Ħamrun

Brandon Pace ta' 24 sena nqatel b'daqqiet ta' sikkina wara argument li nqala’ fi Triq Giovanni Barbara l-Ħamrun.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7:30pm.
B’rabta mal-każ il-Pulizija arrestat tliet persuni; l-allegat aggressur flimkien ma' missieru u ommu.
Jidher li l-argument inqala’ fil-housing estate tal-inħawi, u f’xi waqtiet instema’ anki għajjat. Waqt l-argument intefgħu ġebel, kif ukoll intużaw armi li jaqtgħu u bil-ponta.
Huwa mifhum li Pace miet fil-preżenza t'ommu u t-tfajla. L-omm ngħatat il-kura medika minħabba li sofriet minn xokk.
Xhieda fuq il-post qalu li l-aggressur, ħarab minn fuq il-post. Il-karozza li allegatament ħarab biha nstabet mill-Pulizija miftuħa, u bil-madum u l-ħġieġ imkisser fiha. Aktar tard il-Pulizija sabet lill-aggressur.
Fost il-persuni li kienu fil-post tad-delitt, kien hemm l-aggressur u l-ġenituri tiegħu. Dawn ħarbu minn fuq il-post xħin raw lill-Pulizija.
Għadu mhux magħruf x'wassal għal dan id-delitt.
Dan kien it-tieni delitt simili f'temp ta' ftit jiem.