Grupp Parlamentari PN: “Laqgħa tajba u kostruttiva”; “inkonklussiva”

Read in English.

It-Tlieta filgħaxija tlaqqa’ l-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista bil-laqgħa tiġi deskritta bħala “inkonklussiva”, “tajba” u “kostruttiva”.

AQRA: Filmat: ’Se tirreżenja Delia?’; “Le”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddeskriva l-laqgħa bħala waħda “tajba” u “konstruttiva”.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-maġġoranza qalet lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li jew jirriżenja jew għandu jsejjaħ għal vot ta’ fiduċja mill-Kunsill Ġenerali. Delia mal-midja qal li qal diversi drabi li mhux se jirriżenja u lanqas kien hemm talba biex huwa jirriżenja.

Delia qal li aċċetta r-riżenja tal-Kap Eżekuttiv tal-midja Pierre Portelli. Filwaqt li Newsbook.com.mt jinsab infurmat li qam kjas sħiħ fuq dak li Portelli kiteb dwar Aquilina fuq Facebook. Wara l-kummenti ta’ Delia lill-midja, Aquilina għamel stqarrija fuq dak li qal Portelli matul il-jum tat-Tlieta.

AQRA: Aġġornata: Jirriżenja Pierre Portelli

AQRA: Tiħrax il-gwerra bil-kliem bejn Pierre Portelli u Karol Aquilina 

F’kummenti li ta lill-midja, Delia sostna huma ħarġu mil-laqgħa bi grupp parlamentari wieħed u saħaq li kull min jattakka deputat tal-Partit Nazzjonalista qed jattakka lilu personali.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li matul il-laqgħa ma tkellmu xejn il-viċi kapijiet Robert Arrigo u David Agius, il-Whip Robert Cutajar, id-deputati Stephen Spiteri, Kristy Debono, Frederick Azzopardi u Carm Mifsud Bonnici. Id-deputati Mario Galea u Edwin Vassallo tkellmu favur Delia waqt il-laqgħa.

Fil-pjan ta’ Delia ġie propost li l-grupp parlamentari jiltaqa’ kull ħmistax u f’każ li jkun hemm bżonn iktar, li iktar żgħażagħ jiġu involuti kif ukoll li l-istrateġija tkun b’iktar nies. F’kummenti li ta lill-midja Delia sostna li dak li jiġi diskuss fil-grupp parlamentari jibqa’ fil-grupp. Huwa kompla jgħid li t-tibdil kollu li jrid isir se jsir. Fuq il-proposti huwa kompla jispjega li dawn diġà bdew jiġu diskussi fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Huwa sostna li kien hemm reazzjoni tajba għalihom. Saħaq li kien hemm min żied xi ideat filwaqt li oħrajn riedu li dawn jingħataw iktar sustanza. Kompla jiddeskrivi dawn il-proposti bħala “bażi tajba biex jibdew jaħdmu fuqhom”.