Delia u Muscat jaqblu li f’Malta hawn wisq mibegħda onlajn

Ritratt: Miguela Xuereb, Zoe Louise Gatt

Malta hu l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li jitgħajjar onlajn. Dan qablu fuqu l-mexxejja politiċi Joseph Muscat u Adrian Delia, fejn qalu li huma għandhom ikunu minn tal-ewwel li jagħtu eżempju tat-tolleranza.

Dan ingħad waqt seduta tal-Parlament taż-Żgħażagħ dalgħodu, skont riżultati tal-Eurobarometer.

Fi stħarriġ li wettaq il-Eurobarometer dwar ma’ liema kontenut illegali jiltaqgħu l-aktar onlajn l-Ewropej: jekk hux skemi ta’ ffrodar, piraterija jew hate speech, ħareġ ir-riżultat li f’Malta, l-aktar li hemm onlajn huwa l-hate speech, kliem ta’ mibegħda.

Il-Prim Ministru qal li jeħtieġ li l-poplu jkun edukat sa minn meta jkun għadu żgħir biex jaġixxi b’tolleranza mal-oħrajn. Muscat fakkar li n-nies iridu jsegwu l-leġiżlazzjonijiet, għax huwa illegali li wieħed jinċita l-mibegħda.

Muscat kompla jgħid li l-kliem fil-Parlament m’għandux jintuża minn terzi persuni biex iqanqal il-mibegħda barra l-Parlament.

“Irridu nkunu aħna li nagħtu eżempju” – Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni rringrazzja lill-Prim Ministru talli jippreżenta ruħu mingħajr ma jattakka lil ħadd fi kliemu. Huwa qal li l-eżempju ewlieni għandu jingħata mill-Parlament, mill-mexxejja tal-pajjiż.

Adrian Delia kellu messaġġi viżjonarji għaż-żgħażagħ. Huwa ħeġġiġhom biex ma joqogħdux għal li jgħidu l-partiti politiċi, u għal dak li diġà jeżisti, imma dejjem ifittxu li joħolqu l-ġdid. Pereżempju, issuġġerixxa li l-Partit fl-Istratreġija Żvilupp tal-Bini jibdel ismu għal Partit għat-Tisbiħ ta’ Malta, b’fokus fuq il-pożittiv minflok in-negattiv.

Delia kompla jgħid li flok li jikkonċentraw fuq l-iżvilupp tal-bini, iż-żgħażagħ jeħtieġ li jikkonċentraw fuq l-iżvilupp tal-pajjiż. Huwa inkoraġixxa liż-żgħażagħ biex jisfidaw u jmeru sabiex joħolqu l-ġdid. “Inħabbtu l-ideat u mhux inġelldu l-persuni,” temm jgħid Delia.