Delia u martu ma jaqblux dwar it-tarbija abbandunata

Dr Nickie Vella De Fremeaux, mart il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, waqt li qalet li taqbel ħafna mar-raġel tagħha li qed tiżdied il-vjolenza f’Malta, iddistakkat ruħha mill-kumment li għamel fuq Facebook nhar is-Sibt li għadda, dwar it-tarbija abbandunata li nstabet f’Buġibba.

Fl-istess kitba, Dr Delia kiteb dwar il-ġlied li seħħ dan l-aħħar fil-Ħamrun, fil-Marsa, f’Ħal Tarxien u f’San Ġiljan  u dwar tarbija abbandunata f’Bugibba. Hu rrimarka li dawn huma eżempji ta’ kif qed tintilef il-ġlieda kontra l-kriminalità. Saħaq li Malta qed tispiċċa pajjiż bla ruħ. Aktar tard Delia ħassar ir-referenza għat-tarbija abbandunata.

Madanakollu, Vella De Fremeaux iddistakkat ruhha mill-kumment tal-Kap tal-PN għax qalet li omm Cristiano mhix riflessjoni ta’ soċjetà bla ruħ u saħqet li din m’għandhiex tiġi ġġudikata.

Hi spjegat kif iż-żieda tal-vjolenza m’għandhiex x’taqsam mal-każ tat-tarbija u saħqet li huwa każ ta’ qsim il-qalb.  Sostniet li bħala avukat tal-familja li ħadmet fuq każijiet soċjali xtaqet tfakkar lil kulħadd li kull persuna għandha l-istorja tagħha.

Spjegat li wieħed qatt ma jista’ jkun jaf x’kienu dawk iċ-ċirkustanzi li wasslu omm tagħmel xi ħaġa bħal din. Temmet il-kumment tagħha billi saħqet li omm Cristiano għandha bżonn l-għajnuna kollha. Il-kumment ta’ De Fremeaux jidher li tħassar ukoll minn Facebook.