Delia u Grech huma l-uniċi kandidati għall-elezzjoni tal-Kap tal-PN

Read in English.

Il-Kummissjoni Elettorali fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ddikjarat li l-uniċi persuni li wrew l-interess li jikkontestaw l-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista huma Adrian Delia u Bernard Grech.

Dan hekk kif illum għalaq il-perjodu tas-sottomissjonijiet ta’ interess għal dak li jixtiequ jikkontestaw dan l-irwol. Il-Kummissjoni Elettorali bdiet tilqa’ l-ismijiet wara li l-Kunsillieri tal-PN, fil-Kunsill Ġenerali straordinarju, miżmum is-Sibt 1 ta’ Awwissu, ivvutaw biex issir elezzjoni għal Kap tal-Partit.

Iż-żewġ ismijiet li waslu għand il-Kummissjoni Elettorali llum se jkunu mgħoddija lill-Kummissjoni Kandidati mmexxija miċ-Chairman Colin Bowman biex din il-Kummissjoni twettaq l-iskrutinju u l-eżerċizzju tad-due diligence meħtieġa fuqhom skont l-Istatut tal-PN.

Dwar l-eżerċizzju ta’ diliġenza pruvata, il-Kummissjoni nkarigat panel ta’ esperti esterni, kompetenti u indipendenti fl-oqsma rispettivi u relatati, magħmula mis-Sur Antonio Ghirlando Chairperson tal-panel, Dr Clyde La Rosa u Mario P. Galea bħala membri.

Il-Kummissjoni hija marbuta b’perjodu massimu ta’ sitt ġimgħat biex tlesti x-xogħol kollu tagħha u tgħaddi r-rapport lill-Kunsill Amministrattiv u lill-Kummissjoni Elettorali.