Delia u Grech b’filmati dwar l-Indipendenza

Read in English.

Iż-żewġ kandidati għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista ppubblikaw żewġ filmati li fihom wasslu l-messaġġ tagħhom għall-Jum tal-Indipendenza. Illum Malta qed tfakkar is-56 anniversarju ta’ din il-ġrajja storika li rat il-bidu tan-nazzjon Malti.

L-ewwel ġurnata tal-elezzjoni hija nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Settembru bl-aħħar ġurnata tkun fit-3 ta’ Ottubru meta jiġi mħabbar ir-riżultat fid-Dar Ċentrali tal-PN.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li jemmen fl-abbiltà tal-Maltin u f’Malta indipendenti għaliex qal li kapaċi “flimkien noħolqu d-destin” u tissewwa r-reputazzjoni ta’ Malta.

Huwa tkellem dwar iż-żgħażagħ u n-negozji filwaqt li temm il-messaġġ tiegħu favur l-għaqda billi qal li biex niċċelebraw l-Indipendenza jeħtieġ li l-poplu jingħaqad u jarmi l-mibegħda.

Min-naħa tiegħu, il-kandidat għal Kap tal-PN Bernard Grech qal li jixtieq Indipendenza ġdida għal pajjiż “fejn lill-bniedem nagħtuh l-awtonomija li tixraqlu mill-politiċi li jriduh jibqa’ jiekol minn idejhom”.

Stqarr li huwa jrid jaħdem biex irodd lura d-dinjità u r-reputazzjoni li nsterqet lill-pajjiż fl-istess waqt li jirsisti biex jinħoloq il-ġid li jitqassam b’mod ekwu fost il-persuni b’mod ġust u mhux biex igawdu l-ftit. Huwa temm ukoll b’messaġġ ta’ għaqda li qal li din diġà bdiet.

Dalgħodu, l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż attendew Pontifikal fil-Konkatidral ta’ San Ġwann immexxi mill-Arċisqof Charles Scicluna.