Delia se jippublika l-awditjar tal-qagħda finanzjarja tiegħu

Il-kandidat għall-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħabbar li kumpanija tal-awditjar Maltija se tagħmel audit tal-qagħda finanzjarja tiegħu. Qal li mhux se tkun dikjarazzjoni magħmula minnu. 
Dr Delia kompla jgħid li din l-audit se tkun magħmula pubblika meta titlesta. 
Din id-dikjarazzjoni ta’ Adrian Delia qed issir fl-isfond tal-kontroversja li nqalgħet wara li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia xandret fuq il-websajt tagħha l-aħbar li Mġarr Developments Ltd, kumpanija li fiha Delia għandu sehem ta’ 9%, għad fadlilha tħallas aktar minn €7 miljun f’self mal-HSBC. Caruana Galizia kitbet li oriġinarjament il-kumpanija kienet issellfet aktar minn €12-il miljun biex tmexxi l-proġett li l-Imġarr Hotel, f’Għawdex, titwaqqa’ u minfloku jinbnew 41 appartament lussuż. Hija qalet li xi ġranet ilu l-bank talab lis-sidien tal-kumpanija biex jiffirmaw dokument li bih is-self li kien għad baqa’ jitħallas u l-interessi jingħaqdu flimkien biex b’hekk ġiet is-somma ta’ ftit aktar minn  €7 miljun. Caruana Galizia oġġezzjonat kemm li Delia m’għamilx dan kollu pubbliku, kif ukoll li l-mara tiegħu l-Avukat Nikie Vella de Fremaux tat prokura lir-raġel tagħha. Delia qal li f’telefonata li kellu ma Caruana Galizia huwa infurmha li l-kumpanija għandha assi aktar milli għandha self mal-bank u li meta jitlestew u jinbiegħu l-appartamenti jkun hemm aktar minn biżżejjed biex jitħallas is-self u l-imgħax dovut fuqu.
Oriġinarjament Delia kien qal li jippubblika l-assi tiegħu jekk isir Kap tal-PN. 
F’konferenza politika dalgħodu Delia qal ukoll li hemm min qed jipprova jwaqqfu “qabel ma tibda t-tiġrija għall-ħatra ta’ Kap fit-2 ta’ Settembru”. Il-kandidat qal li l-mewġa favur mod ġdid fil-Partit Nazzjonalista qed tinkwieta lill-avversarji tagħha li qed jagħmlu minn kollox biex iġellduha.
Meta elabora aktar fuq il-politika li biha jixtieq imexxi, Delia sostna li “jrid jimbotta politika ta’ persważjoni fejn Gvern u Oppożizzjoni jaħdmu favur in-nies mhux għal xi erbgħa tal-qalba.” Hu jixtieq ifassal pjan ta’ żvilupp mifrux fuq 50 sena bi qbil mal-partiti kollha biex jelimina l-partiġġjaniżmu.
Għall-mistoqsijiet ta' Newsbook.com.mt, dwar isem il-kumpanija u meta mistenni jippubblika l-audit,  kelliem għal Delia qal li qed jistennew clearance mill-kumpanija tal-awditjar qabel ma jsemmuha b’isimha.