Delia: Repubblika tikkritikah, Georg Sapiano jiddefendih

EPP, 17th October 2018

L-għaqda Repubblika qalet li persuni f’kariga pubblika għandhom ipoġġu l-interessi tas-soċjetà l-ewwel u qabel kollox meta jkun hemm allegazzjonijiet serji fil-konfront tagħhom. Mill-banda l-oħra Dr Georg Sapiano, f’kitba fuq Facebook iddefenda lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Michael Vella De Fremeaux li jiġi ħu l-mara ta’ Adrian Delia reġa’ kiteb biex jappoġġja lil Delia.

Dawn il-kummenti bdew jitfaċċaw fuq il-midja soċjali wara li bdew joħorġu rapporti fil-midja dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Adrian Delia, li ħarġu minn dokumenti tal-Qorti ta’ martu fil-proċess tagħhom ta’ separazzjoni.

Sant favur; Thake kritika; M Vella de Fremeaux jappoġġja

L-interessi tas-soċjetà qabel kollox – Repubblika

L-għaqda mhux governattiva Repubblika, mingħajr ma semmiet ismijiet, fi stqarrija qalet li hi tal-fehma li persuni f’karigi pubbliċi għandhom ikunu ta’ eżempju pożittiv għall-bqija taċ-ċittadini bi mġiba eżemplari. Żiedet tgħid li l-imġiba fil-privat tal-politiċi u ta’ persuni oħra bi rwol pubbliku għandhom effett fuq il-funzjonijiet pubbliċi tal-istess persuni u għalhekk huwa dejjem meħtieġ skrutinju pubbliku tal-imġiba tagħhom.

L-għaqda qalet li temmen ukoll li persuni f’karigi pubbliċi għandhom minn jeddhom jiżguraw li meta jkunu involuti f’imġiba li dwarha jsiru allegazzjonijiet serji, huma għandhom ipoġġu l-interessi tas-soċjetà l-ewwel u qabel kollox u jevitaw għalkollox li jkunu ta’ piż fuq l-istituzzjoni li huma ġew fdati biex imexxu.

“Hekk biss,” ikkonkludiet l-għaqda  “,jista’ jiġi żgurat li persuni f’karigi pubbliċi jkunu qed iservu u mhux biex jisservew bil-kariga fdata lilhom.”

Jisservew l-avversarji mhux id-demokrazija – Sapiano

Dr Georg Sapiano, li kien is-sieħeb ta’ Delia f’kumpanija legali, qal li ilu ħabib tiegħu minn ċkunithom u li qatt ma ra lil Delia jerfa’ idu fuq xi ħadd, anke meta l-argument saħan. Huwa semma wkoll il-fatt kif meta l-programm Xarabank kien mar jintervista lill-familja ta’ Delia f’darha, kulħadd tkellem minn jeddu u dawn l-allegazzjonijiet ma ħarġux hemmhekk.

Sapiano staqsa x’jiġri jekk fl-aħħar joħroġ li dawn l-allegazzjonijiet kienu foloz. Qal li r-riżenja ta’ Delia tkun issodisfat lill-avversarji tiegħu, imma mhux lid-demokrazija Maltija.

Sapiano qal li l-iskop tiegħu mhux li jgħid x’ġara, għax dak ma jafux. L-iskop tiegħu kien li jagħti testimonjanza għall-karattru ta’ Delia għax jafu.

Some of those opposed to the leadership of Adrian Delia have leapt at the allegations made by his wife. They claim that…

Posted by Georg Sapiano on Sunday, December 30, 2018

Jerġa’ jikteb Michael Vella De Fremeaux

Fost dawk li kiteb biex jgħid “prosit” lil Sapiano kien hemm Michael Vella De Fremeaux, ħu Dr Nickie Vella de Fremeaux, il-mara ta’ Adrian Delia. Huwa qal li dawn l-allegazzjonijiet qed jixxerrdu min-nies li jużawhom għall-aġendi politiċi tagħhom.

Dan huwa t-tielet kumment ta’ Michael Vella De Fremeaux fuq Facebook biex juri appoġġ lil Adrian Delia.

Dr Andrew Borg-Cardona qal li forsi kien jgħin kieku Adrian Delia ma marx fuq Xarabank li “jinten” biex jilgħabha tal-qaddis. Huwa qal li kieku Delia ried iżomm l-affarijiet privati ma missux ħa kariga daqshekk pubblika. “Issa tard wisq,” ikkonkluda Borg-Cardona.