Aġġornata: Biżżejjed firem biex Delia jaffaċċja vot ta’ fiduċja

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia mistenni jaffaċċja vot ta’ fiduċja fil-Kunsill Ġenerali hekk kif inġabru biżżejjed firem f’petizzjoni li ssejjaħ għal diskussjoni b’vot sigriet dwar it-tmexxija tiegħu. Il-mistoqsija imposta mill-firmatarji titlob biex Delia jerfa’ responsabbilità politika u jirriżenja.

Aktar kmieni kien innutat is-silenzju mill-Kap tal-PN hekk kif dan kien it-tieni Ħadd konsekuttiv li Delia ma tkellimx fuq il-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista.

Persuna qrib l-organizzaturi qalet lil Newsbook.com.mt li l-firem mingħand il-Kunsilliera se jibqgħu jinġabru fis-sigħat li ġejjin għalkemm it-total ta’ 150 stabbilit mill-istatut tal-Partit Nazzjonalista ntlaħaq u nqabeż il-Ħadd waranofsinhar. Il-petizzjoni bdiet iddur fost il-Kunsilliera tal-PN is-Sibt.

Sors ieħor qal li l-petizzjoni aktarx tiġi ppreżentata lil Kristy Debono, il-President tal-Kunsill Ġenerali, it-Tnejn jew it-Tlieta.

Il-petizzjoni tikkwota artiklu 30 tal-istatut tal-PN li jipprovdi “li l-Kunsill Ġenerali għandu jiġi msejjaħ u jinżamm wara talba bil-miktub ta’ mhux inqas minn mija u ħamsin (150) membru tal-Kunsill Ġenerali.”

Il-firmatarji qed jitolbu biex fi żmien ġimgħa jinżamm Kunsill Ġenerali biex jittieħed vot sigriet bil-mistoqsija tkun:

“Wara r-riżultati miksuba mill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali ta’ nhar il-25 ta’ Mejju 2019, il-Kap tal-Partit għandu jerfa’ r-responsabbilità politika u jirriżenja? IVA/LE”

Il-premessa għal din il-petizzjoni hi li r-riżultati miksuba fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew u dawk tal-Kunsilli Lokali “ma jixirqux u ma jagħmlux ġieħ lill-Partit Nazzjonalista” u għaldaqstant il-firmatarji qed jitolbu li tintrefa’ r-responsabbilità politika.

Jumejn ilu, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal ma’ Newsbook.com.mt li ma kienx hemm il-ħtieġa li jitlob l-vot ta’ fiduċja mill-Kunsill Ġenerali għaliex qal li “rridu naħdmu ‘l quddiem”.

Filmat: “Ma kienx hemm ħtieġa li nitlob vot ta’ fiduċja” – Delia