“Delia qed joħloq firda” – il-maġġoranza tal-MPs tal-PN

Il-maġġoranza tad-deputati tal-Partit Nazzjonalista qalu li fl-aħħar jiem Adrian Delia wera li qed joħloq firda fil-Partit Nazzjonalista. Huma qalu dan fi stqarrija li fiha qalu li Delia kellu jassumi r-responsabbiltà politika u jwarrab bil-kwiet.

Huma offrew s-solidarjetà u l-appoġġ liż-żgħażagħ tal-PN għal stqarrijiet fil-midja li Adrian Delia ried joħodhom quddiem il-Bord tad-Dixxiplina fil-partit. L-istess deputati qalu li huma impenjati biex ladarba sseħħ il-bidla fit-tmexxija, iż-żgħażagħ jkunu fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista.

Sorsi fil-PN qalu li l-Kap tal-PN Adrian Delia ordna lis-Segretaru Ġenerali Francis Zammit Dimech biex jinbdew proċeduri dixxiplinarji kontra l-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) minħabba l-istqarrijiet li huma għamlu fl-aħħar jiem.

Għal Adrian Delia, min jazzarda jesprimi opinjoni differenti minn tiegħu, għandu jiġi mwarrab, mhedded u mgħajjar.

Fl-istqarrija huma jgħidu li minn meta tilef il-vot fl-Eżekuttiv, Adrian Delia talab li jittieħdu passi dixxiplinarji kontra ż-żgħażagħ tal-PN, mar fuq l-istazzjon nazzjonali u fetaħ attakk fuq għadd ta’ Deputati tal-PN u uża l-midja soċjali u mezzi tax-xandir tal-PN biex jhedded li min ma jaqbilx miegħu. Stqarru li Delia għamel hekk biex jgħid li min ma jaqbilx miegħu m’għandux postu fil-Partit Nazzjonalista.

“Aġir mhux denju ta’ Kap”

B’dan kollu, d-deputati li fl-aħħar ġimgħat sfiduċjaw lil Delia fil-Grupp Parlamentari qalu li mhux aġir u attitudni li hi denja għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Temmu l-istqarrija b’appell biex ikun hemm Kap tal-Partit li “jgħaqqad u jagħmel il-partit wieħed żagħżugħ u rebbieħ”. Dan filwaqt li reġgħu appellaw għal elezzjoni interna mill-Kunsilliera u mit-tesserati għal ħatra ta’ Kap ġdid.