Aġġornata: Filmat: Il-Kunsill Ġenerali tal-PN se jitlaqqa’; Louis Galea se jmexxi l-proċess tar-riforma

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista aċċetta li jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, dan wara li grupp ġabar iktar minn 200 firma u talbu biex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali.

AQRA: Filmat: Petizzjoni PN: L-eżekuttiv se jiddiskutiha l-Ħamis – Delia

Il-Ħamis filgħaxija saret laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li matulha l-laqgħa ġew eletti Alex Perici Calascione bħala President tal-Kumitat Eżekuttiv u Carm Mifsud Bonnici bħala President tal-Kunsill Amministrattiv.

AQRA: Aġġornata: Mifsud Bonnici elett President tal-Amministrattiv; Perici Calascione tal-Eżekuttiv

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qallu li l-Kunsill Ġenerali se jitlaqqa’ lejn l-aħħar fis-27 ta’ Lulju.

Ġie spjegat li l-petizzjoni mressqa minn Ivan Bartolo, Mark Anthony Sammut, Emvin Bartolo, Emma Portelli Bonnici u Martin Musumeci bil-mistoqsija “Wara r-riżultati miksuba mill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali ta’ nhar il-25 ta’ Mejju 2019, il-Kap tal-Partit għandu jerfa’ r-responsabbilità politika u jirriżenja? IVA/LE” ġiet aċċettata. Il-grupp magħmul minn kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali ppreżentaw l-petizzjoni.

AQRA: Aġġornata: Biżżejjed firem biex Delia jaffaċċja vot ta’ fiduċja

Wara li kienet ippreżentata lill-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono, beda l-proċess biex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali. Illejla, il-Kumitat Eżekuttiv aċċetta l-petizzjoni u għaldaqstant se tiġi appuntata kummissjoni elettorali.

AQRA: Petizzjoni PN: ‘Ħarġu l-ismijiet ta’ min iffirma biex jintimidaw’

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ppropona li l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista jitlaqqa’ nhar is-Sibt 27 ta’ Lulju. Delia qal li din id-deċiżjoni kien qed jeħodha hu fl-interess tal-partit u biex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jimxi ‘l quddiem.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Kap tal-PN talab li jitlaqqa’ l-Kunsill fuq artiklu differenti tal-istatut minn dik tal-petizzjoni li saret oriġinarjament. Skont il-PN dan sar wara li nstab li numru ta’ firem ma kinux validi.

Il-Kumitat Eżekuttiv ħatar ukoll Kummissjoni Elettorali mmexxija minn Francis Zammit Dimech sabiex torganizza, tmexxi u tissorvelja l-votazzjoni fil-Kunsill Ġenerali.

Louis Galea inkarigat mill-proċess tar-riforma politika tal-PN

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista approva b’mod unanimu l-proposta ta’ Delia b’hekk Louis Galea se jkun inkarigat mill-proċess tar-riforma politika tal-Partit Nazzjonalista. Galea se jkun qed jagħmel dan ix-xogħol b’mod volontarju.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista sostna li Delia kellu diskussjonijiet ma’ Galea fejn talbu biex jgħin lill-partit.

Fil-proposta tiegħu Delia ppropona biex Galea “jkollu kull fakultà jiltaqa’, fuq inizjattiva tiegħu jew fuq talba ta’ ħaddieħor, ma’ kull organu, fergħa, kumitat, tesserat, partitarju, midja jew amministrazzjoni tal-partit biex jisma’ mingħandhom fehmiet u jew suġġerimenti tagħhom dwar kif jaħsbu li l-PN jista’ jingħaqad u jissaħħaħ”.

Galea se jkun jista’ jagħti wkoll suġġerimenti jew pariri meħtieġa fid-dawl ta’ dan id-djalogu.

Il-proposta tinkludi li Galea jitħalla jattendi kwalunkwe laqgħa ta’ xi organu jew fergħa tal-PN bħala osservatur. Huwa se jkun jista’ wkoll jikkonsulta u jiddjaloga ma’ persuna/i jew għaqdiet barra mill-PN.

Galea se jkun qed jirrapporta lill-Kap u se jkun jista’ jiltaqa’ mal-Kumitat Eżekuttiv u l-Kunsill Amministrattiv skont il-ħtieġa u li jagħti rapport finali tal-ħidma tiegħu fi żmien sena.

Delia mistenni jressaq proposta fil-Kumitat Eżekuttiv

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia huwa mistenni jressaq proposta fil-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv illejla, li fiha se tiġi diskussa l-petizzjoni b’200 firmatarju li ssejjaħ mozzjoni għar-reżenja tal-Kap Adrian Delia. Din il-proposta kienet fuq l-aġenda tal-laqgħa.

Aqra: Illum jitlaqqa’ l-Kumitat Eżekuttiv tal-PN

Aqra: Filmat: Il-petizzjoni b’200 firma tal-Kunsilliera tal-PN ippreżentata lill-Partit

Fl-istess laqgħa, il-Kumitat Eżekuttiv għandu jeleġġi karigi ta’ uffiċjali għolja tal-Partit, wara r-reżenja ta’ Mark Anthony Sammut minn President tal-Kumitat Eżekuttiv, ta’ David Camilleri minn Teżorier, u ta’ Pierre Portelli minn Kap tal-Midja tal-Partit. Ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li Graziella Attard Previ, Viċi Sindku ta’ Tas-Sliema, irtirat il-kandidatura tagħha għal President tal-Kumitat Eżekuttiv, u Charles Selvaggi rtira l-kandidatura tiegħu għal Teżorier.

Aqra: Filmat: ’Se tirreżenja Delia?’; “Le”

Aqra: Filmat: “Nappella lil min għandu responsabbiltà akbar biex jagħmel bħali”; Sammut jirreżenja minn President tal-Eżekuttiv

Aqra: Aġġornata: ”Bniedem validissimu; tal-mistħija” – Sammut dwar ir-reżenja tat-Teżorier tal-PN

Aqra: Aġġornata: Jirriżenja Pierre Portelli

Il-laqgħa għandha tibda fis-7pm, u bħalissa qegħdin jaslu l-membri tal-Kumitat Eżekuttiv.

Din hi l-aġenda kif irċivewha l-membri tal-Eżekuttiv:

Aqra: Filmat: Iffirmajt biex tittieħed azzjoni kontra min ma jikkoperax ma’ Delia – Portelli

Hu u dieħel għal-laqgħa, Pierre Portelli, li riċentament irriżenja minn Kap tal-Midja tal-Partit Nazzjonalista kkonferma li hu jemmen li għandha tittieħed azzjoni kontra dawk id-deputati li qed jaħdmu kontra l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti quddiem id-Dar Ċentrali fejn beda jiltaqa’ l-Kumitat Eżekuttiv tal-PN, Portelli qal “iffirmajt il-petizzjoni biex jiġri hekk”.