“Delia mażżra ma’ għonq il-PN” – Trapass

Il-grupp bl-isem ta’ Trapass reġa’ qed jikritika lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia permezz ta’ numru ta’ kartelluni madwar Malta. Sostna li Delia huwa mażżra ma’ għonq il-Partit Nazzjonalista u li jekk jibqa’ hemm, elezzjoni ġenerali oħra se twassal sabiex il-pajjiż jaqa’ f’dittatorjat hekk kif il-Gvern jispiċċa bis-saħħa li jbiddel il-kostituzzjoni kif irid hu.

Fil-messaġġ tiegħu il-grupp qal li Delia għandu konnessjonijiet b’saħħithom ma’ persuni qrib ħafna tal-Partit Laburista. Tenna li malli jsib ruħu f’diffikultà fil-pront joħorġu jiddefenduh filwaqt li allega li l-mezzi tax-xandir tal-Partit Laburista u l-General Workers’ Union (GWU) huma fost l-aqwa difensuri ta’ Delia.

Aqra: Jitwaħħlu kartelluni kontra l-Kap tal-PN mal-bibien tal-każini

Il-grupp sostna li wieħed ma jagħtix tort li l-PL jibqa’ jagħmel dan għax sostna li bħal meta kien hemm Alfred Sant bħala Kap tal-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista baqa’ fil-Gvern, il-PL issa għandu garanzija li sakemm Delia jibqa’ kap, il-PN jibqa’ fl-oppożizzjoni u jibqgħu jonqsu l-voti.

Din mhix l-ewwel darba li Trapass waħħal dawn it-tip ta’ sinjali madwar Malta, b’mod speċjali mal-bibien tal-każini tal-partiti. Is-sinjali din id-darba twaħħlu f’Ħaż-Żebbuġ, Ħ’Attard, fil-Mosta, fl-Imġarr, fil-Ħamrun, f’Ħal-Qormi, fin-Naxxar, fiż-Żurrieq, fl-Għarb, fix-Xewkija u fil-Qala.

Aqra: “Ħallu lil Delia jaħdem” – sinjali mal-bibien tal-każini