Delia ma joġġezzjonax li Grech jingħata spazju fuq il-midja tal-PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li hu m’għandu l-ebda problema li Bernard Grech, li qed jikkompeti kontrih għat-tmexxija tal-PN, jingħata spazju fil-midja tal-Partit Nazzjonalista, ladarba jitqies kandidat b’mod uffiċjali. Delia saħansitra appella biex jiġu organizzati dibattiti bejnu u bejn Grech fuq din il-midja.

Huwa kiteb ittra lil Dr Peter Fenech, Chairman tal-Kummissjoni Elettorali Partit Nazzjonalista, li fih infurmah b’dan wara li Dr Bernard Grech għamel appell biex jingħata spazju fil-midja tal-PN.

Fl-ittra tiegħu, Delia qal li minkejja li fl-aħħar seduta tal-Amministrattiv tal-Partit kien hemm qbil illi l-ħin allokat fil-midja jingħata wara li jintemm il-proċess ta’ Due Diligence, jiġifieri meta jkun hemm kandidatura uffiċjali għall-kariga ta’ Kap u mhux biss intenzjoni ta’ interess kif hemm bħalissa, huwa, bħala Kap, ma jsibx oġġezzjoni li tintlaqa’ t-talba ta’ Grech.

Għadni kemm ktibt lil Dr Peter Fenech, Chairman tal-Kummissjoni Elettorali Partit Nazzjonalista. Dan wara li fl-aħħar…

Posted by Adrian Delia on Wednesday, August 26, 2020

Delia saħansitra ppropona biex ladarba huma jitqiesu kandidati b’mod uffiċjali, ikun hemm dibattiti bejniethom biex it-tesserati li eventwalment se jivvutawlhom, ikunu jistgħu jifhmu aħjar il-viżjoni taż-żewġ kandidati.

L-ewwel argument bejn iż-żewġ kandidati
Jibdew il-kontroversji bejn Adrian Delia u Bernard Grech

Il-Kummissjoni pperswadiet lit-tmexxija biex ma tibqax tkun t’ostaklu Grech

Dr Bernard Grech ippubblika stqarrija b’reazzjoni għal dan, li tgħid li fl-aħħar rebaħ is-sens komun. F’din l-istqarrija huwa kkwota l-istatut tal-Partit Nazzjonalista fejn dan jgħid li m’għandhiex issir distinzjoni bejn il-kandidati fl-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit.

Iżid jgħid li, “Issa jidher li l-Kummissjoni Elettorali rnexxielha tipperswadi t-tmexxija tal-partit biex ma tibqax tostakola l-implimentazzjoni tal-provvedimenti tal-Istatut u tad-direzzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv ilkoll maħsuba biex jassiguraw tmexxija ta’ elezzjoni b’mod ġust u demokratiku, ħaġa li l-membri ta’ dan l-Eżekuttiv u t-tesserati jqisu fondamentali u li għandhom dritt sagrosant għaliha.”

Newsbook.com.mt bagħat jistaqsi mistoqsijiet lill-Kummissjoni Elettorali tal-PN fuq il-proċess tad-Due Diligence, iżda għadu bla tweġiba.