“Delia ma jistax jibqa’ jirreferi għall-fiduċja tat-tesserati” – Peter Agius

Peter Agius qal li Adrian Delia ma jistax jibqa’ jirreferi għall-fiduċja tat-tesserati wara li tilef żewġ voti importanti mill-Grupp Parlamentari u mill-Kumitat Eżekuttiv.

Dan qalu fi stqarrija ppubblikata dalgħodu.

F’din l-istqarrija, l-eks kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista saħaq fuq l-importanza li jimxu f’direzzjoni waħda. Stqarr illi, “Dan mhux possibbli fis-sitwazzjoni attwali fejn qed tirrenja konfużjoni u anzjetà fost il-partitarji u d-dubju dwar il-kapaċità tal-Partit li jkun dik l-għodda għall-bidla fost dawk kollha li eventwalment se nitolbu jafdawna fi skrutinju elettorali.”

Agius żied jgħid li jeħtieġ li l-membri tal-Partit Nazzjonalista jiġu kkonsultati minnufih fuq it-tmexxija tal-Partit, peress li ma jistax ikun li Delia jibqa’ jirreferi għall-fiduċja tat-tesserati kull meta jqum is-suġġett fuq iż-żewġ voti ta’ fiduċja li tilef.

Fl-aħħar, Agius appella għall-moderazzjoni fl-espressjonijiet pubbliċi kollha u qal li jpoġġi l-fiduċja tiegħu fl-organi tal-Partit “li jeħtieġ jintużaw b’effett utli biex tissolva din il-kriżi fl-iqsar żmien possibbli.”