Delia kontra l-proposta ta’ warrant għall-ġurnalisti

Aġġornat 02:52 PM

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kkundanna l-proposta tad-deputat Laburista Jean Claude Micallef li l-ġurnalisti għandhom japplikaw għal warrant biex iwettqu dmirijiethom.

Delia qal li l-Partit Nazzjonalista huwa determinat li jiddefendi l-valuri tad-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni filwaqt li l-Partit Laburista, minkejja li bidel il-mexxej, ma tgħallem xejn dwar il-governanza tajba u l-kontabilità.

Fl-istqarrija, Delia qal li l-ġurnalisti għandhom jitħallew liberi minn kwalunkwe forma ta’ xkiel u rbit u għandhom jitħallew jaħdmu biex joħorġu l-verità u jżommu lill-politiċi responsabbli ta’ għemilhom. Qal li l-proposta ta’ Micallef tmur kontra dan għaliex ġġib lill-ġurnalisti dipendenti fuq il-gvern u għaldaqstant qal li l-ġurnalisti jiġu kkontrollati.

Micallef iwieġeb lil Delia

F’post fuq Facebook, id-Deputat Laburista Jean Claude Micallef irreaġixxa għal din l-istqarrija tal-Kap tal-PN u qal li l-ġurnalisti għandhom jingħataw l-istess privileġġ, responsabbilta u preġju soċjali bħal professjonijiet oħra bħalma huma l-avukati, l-periti u nutara.