Delia kien inqas trasparenti fl-invoices li ħareġ – Arcidiacono

Read in English.

Boris Arcidiacono, eks-klijent ta’ Adrian Delia, stqarr li l-Kap tal-PN kien anqas trasparenti meta ħareġ l-invoices milli meta mar quddiem l-esperti tad-due diligence tal-PN. Jispjega li fl-invoices, is-servizzi kienu miktuba bħala servizzi professjonali filwaqt li mal-esperti tad-due diligence Delia qal li dawn kienu servizzi biex jassigura li jinħareġ loan mill-bank.

F’ittra li Arcidiacono bagħat lill-kumitat ta’ esperti tad-due diligence u li ntbagħtet ukoll lill-midja, l-avukat tiegħu sostna illi Adrian Delia ma kienx trasparenti meta ħareġ invoices għal total ta’ €86,210 li l-istess Delia ħa u li l-kumpanija qed tikkontesta quddiem il-Qorti.

L-avukat sostna li Arcidiacono qatt ma ta permess lill-bank biex Delia jieħu dawn il-flejjes filwaqt li nsista li l-irwol ta’ Delia kien limitat ħafna li ċertament ma jimmeritax €86,210 għal servizzi li seta’ ta lil Arcidiacono.

Fl-ittra li ġiet ippubblikata llum ġie nnotat illi filwaqt li l-esperti tad-due diligence tal-Partit Nazzjonalista ma kellhom ebda rwol statutorju b’riżorsi limitati biex jinvestigaw, dawn il-limitazzjonijiet jistgħu jwasslu “biex tkun ippreġudikata l-pożizzjoni tal-klijent.”

Fl-ittra jingħad ukoll li l-istqarrijiet li qed isiru qed jagħmilhom mhux bħala kumment politiku iżda biex jipproteġi l-pożizzjoni tiegħu fid-dawl li r-rapport tad-due diligence ġie rrappurtat ħafna.

X’taħseb dwar id-due diligence tal-PN

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt