Delia jwissi lil dawk li ma jaqblux miegħu

Luke Zerafa

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li l-partit issa għandu sfida quddiemu u jrid jiddeċiedi jekk ikunx partit tan-nies jew partit tal-ftit. Huwa qal dan b’mod li wissa lil dawk li ma jaqblux mat-tmexxija tiegħu, li dan huwa l-mument tal-għażla mingħajr kundizzjonijiet.

Delia tkellem illejla fuq Net TV, wara li l-jum tal-Ħamis kien iddominat minn żviluppi fosthom riżenji fil-Partit Nazzjonalista. Huwa kien qed jiġi intervistat waqt edizzjoni speċjali ta’ Net Live b’rabta ma’ għeluq snin il-President Emeritu Eddie Fenech Adami.

“Sentejn ta’ problemi kbar u kontinwi”

Semma kif l-aħħar sentejn kemm ilu fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista, kienu mimlija bi problemi kbar u kontinwi, fi kliemu “minn dawk li ma ridux jaċċettaw it-tmexxija l-ġdida”. Stqarr li filwaqt kien hemm min minn dawk ta’ madwaru għamlu minn kollox, kien hemm min baqa’ determinat li l-Partit Nazzjonalista ma jmurx għand in-nies. Irrimarka li hu mhu se jkun qed jagħlaq il-bieb lil ħadd u li jistieden lil kull min irid jikkontribwixxi għall-bidla, iżda mingħajr kundizzjonijiet.

Huwa saħaq li l-avvenimenti tal-lum ma jsejħilhomx żviluppi politiċi imma “għajta, sejħa biex naraw x’inhu l-Partit Nazzjonalista, irridu nerġgħu nsibu r-ruħ tal-PN”.

“Pruvajt nibni l-pontijiet”

Filwaqt li qabbel is-sitwazzjoni tiegħu ma’ dik li affaċċja Eddie Fenech Adami fit-tmeninijiet, Delia qal li hu pprova jibni l-pontijiet ma’ dawk li setgħu ma qablux mal-mod “ġdid” tat-tmexxija.

“Ridt nerġa’ nagħti l-partit lin-nies”

Fisser li hu għażel li jikkontesta għall-mexxej tal-PN minħabba li “l-PN kien tbiegħed minn nies. Kien hemm min deherlu li l-PN sar tiegħu u jien ridt nerġa’ nagħti l-partit lin-nies. Il-messaġġ prinċipali tiegħi kien li l-PN mhu ta’ ħadd. Ħadd mhu ikbar mill-partit.

“Ir-rieda tan-nies ma tinbidilx b’survey”

“Xejn mhu se jiġri għax sar survey. Ir-rieda tan-nies ma tinbidilx b’survey wieħed”, stqarr Delia, filwaqt li enfasizza li hu se jibqa’ leali lejn dawk it-tesserati li eleġġewh. Insista li l-falliment mhux xi ħaġa tal-mistħija, sakemm l-ewwel interess ikun tal-pajjiż.

Temm jgħid li hu jrid jibqa’ leali lejn dak li ntalab jagħmel u li mhux se jaqta’ qalbu u jitlaq għax jara kollox bil-kontra. “Inħoss li nkun qed nittradixxi lil dadwk li riedu li l-PN jibqa’ tagħhom, jekk nitlaq,” żied jgħid il-Kap Nazzjonalista.