Delia jrid l-immigrazzjoni diskussa mill-mexxejja tal-PPE

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia llum kiteb lill-President tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) Donald Tusk biex is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni irregolari titpoġġa fl-aġenda tad-diskussjoni tas-summit urġenti li Dr Delia kien talab li jsir b’video conference fil-korrispondenza ma’ Tusk tat-2 ta’ April li għadda.

F’kummenti fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li l-problema ta’ Malta u ta’ pajjiżi oħra għandha tissolva permezz ta’ “meaningful solidarity” li huwa fisser li din issir permezz tar-riżorsi li jgħinu lil Malta.

Adrian Delia qal li l-problema ta’ nuqqas ta’ riżursi f’Malta qed tinħass u hija problema li ġab il-Gvern bil-politika tiegħu li jkabbar il-popolazzjoni. Dan fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti tal-imxija tal-Covid-19 f’Malta.

Delia qal ukoll li ħadd f’Malta ma jrid li persuna waħda titlef ħajjitha. Spjega li dan ma jfissirx li l-PN huwa favur l-immigrazzjoni illegali. Fisser li bħala Partit, xhur ilu kien kiteb lill-President tal-PPE biex l-isfida tal-immigrazzjoni tissolva permezz ta’ soluzzjoni u riżorsi Ewropej.