Delia jrid investigazzjoni tal-kuntratti kollha li saru taħt Konrad Mizzi

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li wara t-tkeċċija ta’ Konrad Mizzi, iridu jiġu investigati l-kuntratti kollha li saru taħt Konrad Mizzi.

Fuq Facebook dalgħodu, Delia qal li issa l-pass li jmiss huwa li l-Prim Ministru Robert Abela jneħħi lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat “jew għal darb’oħra jbierku u jibqa’ jiddefendih. Bi ħsara għal pajjiżna.” Dan l-appell Adrian Delia diġà għamlu lbieraħ wara li Mizzi kiteb fuq Facebook li avolja l-PM talbu jirreżenja, mhux beħsiebu jagħmel dan.

Il-PM imbagħad ressaq mozzjoni sabiex Mizzi jitkeċċa waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista, u 71 persuna vvutaw favur, persuna astjeniet, u oħra vvutat kontra. Mizzi għadu ma ħariġx reazzjoni pubblika fuq it-tkeċċija tiegħu.

Wara snin nitolbu għar-riżenja tiegħu, Konrad Mizzi issa tneħħa. Issa Robert Abela jrid iħoll lill-pajjiżna…

Posted by Adrian Delia on Tuesday, June 23, 2020

Delia sostna li Abela issa jrid jara li l-kuntratti tat-tliet sptarijiet u tal-Electrogas jinħallu. Qal li għandhom jiġu investigati l-kuntratti kollha li ħadem fuqhom Konrad Mizzi.

Saħaq li l-PM irid jara li jġib lura “il-miljuni misruqa fl-iskandlu Montenegro.”

Muscat ilbieraħ ma attendiex għal-laqgħa tal-Grupp Parlamentari. Meta magħfus mill-ġurnalisti dwar l-assenza ta’ Muscat, Abela baqa’ jsostni li dik il-mistoqsija jridu jistaqsuha lil Muscat u mhux lilu. Il-ġurnalisti staqsewh ukoll jekk huwiex se jneħħi lil Muscat issa, iżda Abela qal li s-sitwazzjoni ta’ Muscat hija differenti.

Il-Prim Ministru ċaħad li Muscat huwa konsulent tiegħu, minkejja li fl-aħħar xhur ġie rrappurtat li attenda għal laqgħat ma’ Abela f’Kastilja. Waqt li Joseph Muscat kien Prim Ministru, Robert Abela kien il-konsulent legali tiegħu.

Ir-reazzjoni ta’ bosta oħrajn, fosthom tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, kienet li t-tkeċċija ta’ Mizzi hija erba’ snin tard. Busuttil qal li li kieku ġara dan, jaf Daphne Caruana Galizia għadha ħajja llum.