Delia jrid id-due diligence fuqu wkoll

EPP

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li r-rapport ta’ due diligence irid isir fuqu wkoll bħala kandidat prospettiv biex jibqa’ jmexxi lill-Partit Nazzjonalista.

Huwa qal dan fi stqarrija li fiha qal li għamel talba lill-Kummissjoni Elettorali biex ikun żgurat li l-artikolu tal-istatut li jesiġi rapport ta’ due diligence fuq kull kandidat għal Kap tal-PN “jitħaddem bl-iktar mod rigoruż”.

Dan jikkuntrasta ma’ dak irrappurtat f’midja lokali li kkwotat sorsi fil-Partit Nazzjonalista jgħidu li membri favur Delia riedu li l-kap tagħhom ikun eżentat minn din il-klawsola tal-istatut.

Bl-istatut il-ġdid li kien approvat fil-25 ta’ Ġunju li għadda ir-responsabbiltà għar-regoli ta’ rapport bħal dan taqa’ f’idejn il-Kumitat Eżekuttiv li diġà esprima diżapprovazzjoni f’Adrian Delia bħala Kap bil-vot ta’ sfiduċja f’Lulju li għadda.

Delia qal li din it-talba għamilha waqt laqgħa tal-Amministrattiv tal-PN li għaliha kienet preżenti l-Kummissjoni Elettorali.

L-istess suġġett kien diskuss f’laqgħa tal-Eżekuttiv li saret it-Tlieta filgħaxija fid-Dar Ċentrali. Fiha ġew approvati unanimament ir-regoli tal-Kummissjoni Elettorali hekk kif proposti mill-President tal-Kummissjoni l-Avukat Peter Fenech.

L-Eżekuttiv qabel ukoll li l-ebda tip ta’ kampanja ma tista’ tibda qabel individwu ikun dikjarat uffiċjalment kandidat mill-Kummissjoni Elettorali.

Miguela Xuereb