Delia jressaq lil Bonnici quddiem il-Qorti Kostituzzjonali

Aktar kmieni dalgħodu, il-ġurnalist indipendenti u blogger Manuel Delia, tella’ lill-Ministru Owen Bonnici u d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tat-Tindif Pubbliku, Ramon Deguara, il-Qorti Kostituzzjonali minħabba li l-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia fil-Belt Valletta tneħħa ripetutament.

Delia qed jikkwota l-ksur ta’ Artiklu 10 mill-Konvenzjoni Ewropea fuq id-Drittijiet Umani u Artiklu 41 mill-Kostituzzjoni ta’ Malta f’din l-applikazzjoni li ġiet iffirmata mill-avukati Karol Aquilina, Jason Azzopardi, Eve Borg Costanzi, Paul Borg Olivier u Therese Comodini Cachia. Skont Delia, f’soċjetà demokratika, wieħed għandu jkollu d-dritt li jesprimi ruħu u jipprotesta f’sitwazzjonijiet meta l-awtoritajiet donnhom mhumiex jagħmlu biżżejjed biex jassiguraw is-Saltna tad-Dritt. Artiklu 10 mill-Konvenzjoni Ewropea jgħid li anke meta ma jaqblux, l-awtoritajiet għandhom jipproteġu d-dritt tal-individwu.

F’kumment lil Newsbook.com.mtDelia insista li l-applikazzjoni ma għamilhiex għad-drittijiet personali tiegħu. Huwa qal, “Eluf ta’ nies qed jiġu msikkta mill-azzjoni tal-Gvern. Anke jekk ma taqbilx magħna, forsi int imiss. Hu importanti li dawk li għandhom il-poter jimxu mar-regoli u mad-drittijiet bażiċi li suppost tiggarantilna l-Kostituzzjoni.”

Delia talab lill-Qorti tistabbilixxi jekk kienx hemm inferenza statali u jekk dan sarx fil-konfini legali, u jekk l-għan kienx leġittimu u għandux jiġi aċċettat f’soċjetà demokratika. Fl-applikazzjoni, Delia nnota li meta Bonnici tkellem mal-midja dwar dan, ma kkwotax liġi applikabbli fil-każ tat-tneħħija tal-istrixxuni, fjuri u xemgħat li tpoġġew fil-mafkar ta’ Daphne, quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir.