Il-PN iressaq abbozz kontra ‘t-theddida’ tas-SLAPP

Read in English.

L-Oppożizzjoni llum ressqet abbozz ta’ liġi biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ġurnalisti minn dik li sejħet it-theddida ta’ SLAPP u azzjonijiet oħra relatati fil-konfront tal-midja ħielsa.

Dan l-abbozz ta’ liġi msejjaħ Att biex jipprovdi għall-protezzjoni kontra kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP) tressaq illum mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar il-Midja, il-Kultura u l-Identità Nazzjonali Therese Comodini Cachia, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives Jason Azzopardi u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar.

Fi stqarrija, il-PN qal li l-ġurnaliżmu, il-midja indipendenti u l-espressjoni ħielsa huma pilastru ewlieni f’demokrazija li tiffunzjona, u kienu determinanti sabiex ġew esposti l-każijiet ta’ korruzzjoni, iżda fl-istess ħin din il-funzjoni tagħhom tinsab taħt theddida bl-użu ta’ SLAPPs.

“Wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, uffiċjali u entitajiet b’mod speċjali dawk barranin għadhom qegħdin jheddu lill-attivisti u ġurnalisti bi SLAPPs,” il-PN qal.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-ġurnalisti Maltin għandhom bżonn l-ogħla protezzjoni u l-leġislaturi għandhom id-dmir li jaraw li jkollna l-aħjar liġijiet f’dan ir-rigward.

Dan meta l-Gvern Laburista m’għamel xejn biex jilleġisla favur il-protezzjoni tal-ġurnalisti, għajr li fl-2018 ivvota kontra l-Abbozz tal-Oppożizzjoni biex jintroduċi salvagwardji b’saħħithom kontra t-theddida ta’ SLAPP, temm jgħid il-PN.